Nhar il-Ħamis 8 ta’ Ottubru ħabat l-ewwel Ħamis mid-disa’ Ħamisijiet ta’ talb għall-vokazzjonijiet. Filgħodu bdejna bil-Quddiesa fil-Kappella tas-Seminarju u wara saret l-esposizzjoni ta’ Ġesù Ewkaristija. L-adorazzjoni kompliet fis-skiet sal-4.00pm. Filgħaxija l-komunità tas-Seminarju ngħaqdet flimkien ma’ dik tal-Għarb għal siegħa adorazzjoni fil-bażilka tal-Viżitazzjoni fl-Għarb. Fl-ewwel parti tal-adorazzjoni r-Rettur, Fr Tony Sciberras mssp, għamel ħsieb marbut mas-sejħa li kull imgħammed għandu biex iwettaq ir-rieda ta’ Alla. Dan għamlu billi kkwota siltiet mir-riflessjonijiet ta’ Dun Mikiel Attard. Fit-tieni parti mbagħad, is-seminaristi mexxew it-talba tar-Rużarju b’meditazzjonijiet marbuta mas-sejħat li għamel Alla fl-Iskrittura. Fi tmiem l-adorazzjoni r-Rettur ta l-Barka Sagramentali u wara l-Arċipriet Mons. Joseph Sultana rringrazzja lis-Seminarju talli ngħaqad mal-komunità tal-Għarb għal dan il-mument ta’ talb. L-adorazzjoni li jmiss se ssir il-Ħamis 12 ta’ Novembru. Dakinhar, sal-4.00pm it-talb isir fil-kappella tas-Seminarju u fis-7.00pm fil-Bażilka ta’ Marija Bambina fix-Xagħra.