Nhar is-Sibt 16 ta’ Jannar is-saċerdoti Għawdxin inġabru fis-Seminarju għall-awgurju tal-bidu tas-sena. Mons. Isqof jieħu din l-okkażjoni biex jawgura s-sena t-tajba lis-saċerdoti kif ukoll iwassal il-messaġġ tiegħu fil-bidu tas-sena l-ġdida. F’riflessjoni ta’ madwar siegħa dwar is-saċerdozju bħala “ministeru tal-miżerikordja”, l-Isqof saħaq fuq iċ-ċentralità tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. L-ewwel huma s-saċerdoti li jridu jemmnu fil-qawwa tal-Qrar u jfittxuh, biex jistgħu jiġbdu lill-penitenti lejn Alla, li ma jegħja qatt jaħfer. Id-diskors għalaq b’sett ta’ tmien suġġerimenti prattiċi li jistgħu jgħinu li fil-Ġublew tal-Ħniena tikber l-intensità tal-Qrar. Hu talab biex darba fil-ġimgħa l-knejjes jibqgħu miftuħa sa tard biex jipprovdu servizz ta’ Qrar, u biex f’kull parroċċa jkun hemm konfessuri disponibbli u post dinjituż “fejn tiġi mħarsa s-sagralità u l-kunfidenzjalità” mitluba minn dan is-sagrament. Is-seminaristi attendew ukoll għal din l-attività.