Ta’ kull sena, il-Kummissjoni Djoċesana tal-Familja fid-Djoċesi ta’ Għawdex, tieħu ħsieb li torganizza konferenza dwar xi aspetti li jitrattaw il-ħajja tal-familja. Għal din l-okkażjoni ġie mistieden Don Amadeo Cencini, saċerdot Taljan, imħarreġ fil-kamp tal-psikoloġija.
F’din l-okkażjoni Cencini ġie mistieden ukoll sabiex imexxi żewġ laqgħat għas-saċerdoti fejn tratta is-suġġett taċ-ċelebat. Dawn il-laqgħat ġew organizzati il-Ġimgħa 24 u s-Sibt 25 ta’ Jannar fis-sala tas-Seminarju Maġġuri.
Fl-ewwel laqgħa tiegħu, Cencini iffoka fuq l-iskandli sesswali li seħħew fil-Knisja dawn l-aħħar snin u semma xi dinamiċi fi ħdan il-Knisja li akkumpanjaw dan l-iskandli. Hu elenka disa’ modi ta’ difiża (defense mechanisimhs) li wieħed seta’ ħa meta ġew skoperti dawn l-iskandli. Huwa qal li ħafna drabi dawk l-aktar fil-qalba tal-Knisja, jiġifieri l-kleru jipprova jgħatti u jnaqqas il-gravità ta’ dawn l-iskandli, flok ma jifhem aktar fil-fond minn fejn hi ġejja l-problema. Jekk l-iskandli fihom innifishom huma skandalużi, din l-analiżi difensiva tagħhom hija wkoll waħda skandaluża. Don Amadeo qal li waqt li nammettu li ġraw dawn il-każi u jista’ jkun hemm oħrajn li ma seħħewx, irridu nħarsu lejn dan iż-żmien bħala żmien ta’ grazzja li jrid iġagħlna nirriflettu ħafna fuq il-kwalità taċ-ċelibat li s-saċerdot qed jgħix. Huwa temm l-ewwel laqgħa tiegħu billi qal li kull umiljazzjoni isservi għall-purifikazzjoni tal-bniedem.
Fit-tieni laqgħa, Don Amadeo Cenicini iffoka aktar fuq l-attività sesswali, id-dinamika tal-iskandlu u kif wieħed għandu jgħix iċ-ċelibat. L-istint sesswali jinsab f’kull bniedem u jekk il-bniedem jħoss li hemm nuqqas ta’ ekwilibrju fih, permezz tal-attività sesswali, hu jista’ jsib dan l-ekwilibriju li għandu bżonn. Il-bniedem jitwieled b’diversi bzonnijiet, però l-att sesswali għandu l-kapaċità li jissodifhom kollha. Għalhekk il-bniedem li jagħżel iċ-ċelibat u jirrinunċja l-attività sesswali jkun qed jirrinunċja wkoll għall-impulsi l-oħra li hemm fih. Wieħed jista’ jagħżel iċ-ċelibat jekk jsib teżor u min isibu jagħraf li għandu valur akbar mill-attività sesswali u l-bżonnijiet kollha li hemm fil-bniedem. Don Amadeo semma sitt stadji li wieħed jgħaddi minnhom qabel ma jwettaq l-iskandlu, bl-ewwel stadju jkunu l-kompensazzjonijiet żgħar li ċ-ċelibi jibda jagħti lilu. Dan iwassal għall-ripetizzjoni ta’ dawn il-ġesti li tispiċċa f’attitudni u hekk s-sensibilità tal-persuna li għażel iċ-ċelibat tiddgħajef ħafna. Huwa temm il-laqgħa tiegħu billi qal li s-saċerdot u l-persuni li jagħżlu ċ-ċelibat iridu joqgħodu ħafna attenti għall-medjokrità u għall-kultura tal-kompensazzjoni li daħlet ħafna fil-bniedem.
Don Amadeo Cencini sab ukoll ħin sabiex jiltaqa mal-Bord tas-Seminarju u kien ukoll mistieden għall-pranzu flimkien mal-komunita’ tas-Seminarju.