Nhar il-Ħadd 24 ta’ Frar 2013 ġiet immarkata tappa oħra fil-mixja vokazzjonali tas-seminarista Joseph Attard, mill-parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema fiż-Żebbuġ u tas-seminarista Mario Curmi, mill-parroċċa tat-Twelid ta’ Marija fix-Xagħra. Mons. Isqof Mario Grech tahom il-ministeru tal-lettorat fil-knisja parrokkjali ta’ San Girgor u tal-Madonna tas-Sokkors, f’Ta’ Kerċem.
Fit-tieni Ħadd tar-Randan il-Knisja tpoġġi għar-riflessjoni tagħna l-evanġelju tat-Trasfigurazzjoni. Fil-prietka tiegħu, Mons. Isqof, tkellem mill-‘ġmiel’ li saħħar lit-tliet appostli li akkompanjaw lill-Mulej fuq il-muntanja Tabor. “Mgħallem kemm hu sew li aħna hawn!” Il-kliem ta’ Pietru jesprimi s-sentiment ta’ ammirazzjoni li qanqal Ġesù f’qalb l-appostlu fil-mument tat-trasfigurazzjoni tiegħu. Dan hu l-istess sentiment li jinbet fil-qalb ta’ kull persuna li tħoss is-sejħa biex tingħata b’mod sħiħ lil Ġesù fil-ħajja reliġjuża jew saċerdotali.
Hu l-ġmiel ta’ Ġesù li qanqal lil Joseph u Mario, u lil ħafna persuni oħra bħalhom, biex jibdew it-triq tad-dixxerniment li twassal għall-ħajja saċerdotali. Ġesù jidher l-isbaħ fuq is-salib. Għalkemm il-wiċċ tiegħu hu sfigurat u ma jiġbidx l-għajnejn, Ġesù fuq is-salib hu l-akbar xhieda tal-imħabba ta’ Alla għalina. Mons. Isqof spiċċa billi ħeġġeġ lil Joseph u Mario sabiex ikomplu jikkontemplaw din l-imħabba ta’ Ġesù għalihom permezz tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u hekk huma wkoll ikunu jistgħu jeżerċitaw il-ministeru tax-xandir tal-istess Kelma. Hu permezz tas-smigħ ta’ din il-Kelma li wieħed jista’ jsir jaf il-verità: li Alla verament iħobbu!