Nhar il-Ħamis 10 ta’ Diċembru ġie organizzat it-tielet Ħamis minn disa’ Ħamisijiet b’talb għal iktar vokazzjonijiet. Filgħodu bdejna bil-Quddiesa fil-Kappella tas-Seminarju u wara saret l-esposizzjoni li tat bidu għall-Adorazzjoni li ġiet fi tmiemha fl-4.00pm. Filgħaxija, kif kien ipprogrammat, ġiet organizzata siegħa Adorazzjoni fil-Bażilka ta’ San Ġorġ fir-Rabat. Għaliha kienu mistiedna b’mod speċjali l-parroċċani. Fl-ewwel parti tal-Adorazzjoni, ir-Rettur qasam ma’ dawk preżenti ħsieb ta’ Dun Mikiel Attard fuq l-Avvent, bi promozzjoni għall-kawża tal-beatifikazzjoni tal-qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard. It-tieni parti tal-Adorazzjoni tmexxiet mis-seminaristi. Tulha sar ħsieb marbut ma’ dan iż-żmien tal-Avvent li qed ngħixu u mas-Sena tal-Ħniena li għadna kemm tajna bidu għaliha. Qabel il-Barka Sagramentali saru xi talbiet quddiem Ġesù Ewkaristija. L-Adorazzjoni li jmiss se ssir il-Ħamis 14 ta’ Jannar 2016 filgħodu fis-Seminarju u fl-4.30pm fil-Munxar.