News

It-Tħabbira tal-Avvent

Il-Ħadd 2 ta’ Diċembru l-Knisja tat bidu għas-sena liturġika tagħha permezz tal-ewwel Ħadd tal-Avvent.  Il-komunità tas-Seminarju ċċelebrat din l-okkażjoni s-Sibt 1 ta’ Diċembru f’nofsinhar, permezz tat-Tħabbira tal-Avvent.  Din hi ċelebrazzjoni li ssir ta’ kull sena u li tinkludi fiha t-talba ta’ nofs il-jum, qari ta’ lezzjoni mill-Iskrittura (bl-iskop li tħeġġeġ lill-komunità biex tħejji ruħha għall-miġja ta’ Kristu), u l-preżentazzjoni flimkien mat-tberik tal-ikona li se takkompanja lill-komunità tul din is-sena.  Wara li jsiru xi invokazzjonijiet ir-Rettur jindika xi tibdiliet fil-programm tal-komunità, li jkunu se jieħdu posthom tul dawn il-ġranet, biex ifakkruna li dan hu żmien speċjali.

Il-lezzjoni mxandra lilna kienet mill-Ittra lill-Efesin (5,8-20).  Ir-Rettur waqaf fuq il-vers:  “Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-żmien”.  Hu wriena li l-bniedem ‘għaref’ hu dak li ‘jgħożż iż-żmien’:  fi kliem ieħor, il-bniedem li jagħraf jaħtaf kull okkażjoni u jagħmel minnha opportunità ta’ grazzja.

Eventwalment ġiet ippreżentata lilna u mbierka l-ikona, miktuba apposta għal din is-sena minn Loreta Grech, ispirata mis-silta:  “Jiena nemmen!  Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!”, meħuda minn Mk 9,24.  Il-kuntest sħiħ ta’ din is-silta jinsab f’Mk 9,14-29.  Hawn naraw in-nuqqas ta’ ħila tad-dixxipli għan-nuqqas ta’ fidi tagħhom, flimkien mal-għajnuna ta’ Ġesù lill-missier li jitlob il-fejqan ta’ ibnu maħkum minn spirtu ħażin (ara ukoll Mt 17,14-21 u Lq 9,37-42).

Ritratti

Share it on