Il-programm tas-Sibt 20 ta’ Mejju kien xi ftit differenti minn tas-soltu. Il-komunità sebħet kmieni sabiex tagħmel il-pellegrinaġġ annwali lejn is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, fl-Għarb. L-atmosfera kalma ta’ filgħodu għenet sabiex il-komunità titlob it-talba tar-Rużarju, tant mixtieqa minn Marija.
Fi tmiem il-pellegrinaġġ il-komunità nġabret fil-kappella tad-dehra fis-Santwarju Ta’ Pinu u hemm ġiet iċċelebrata l-Quddiesa. Wara l-Vanġelu, b’id waħda fuq il-Kelma ta’ Alla, quddiem ix-xbieha tal-Assunzjoni ta’ Marija u fil-preżenza tal-Ewkristija, is-seminarista Joseph Hili, u d-djakni Michael Grima u Carl Scerri, għamlu l-wegħdiet ta’ qabel l-Ordinazzjoni Djakonali u Presbiterali rispettivament.
Id-djakni Michael u Carl se jiġu ordnati presbiteri fil-Katidral ta’ Għawdex nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju. Is-seminarista Joseph se jiġu ordnat djaknu fl-istess Katidral nhar il-Ħamis 15 ta’ Ġunju.
Ritratti