News

Is-Seminarju jagħlaq 148 sena

Sacred Heart SeminaryIt-Tlieta 4 ta’ Novembru s-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù għalaq 148 sena. Sentejn biss wara t-twaqqif tad-djoċesi ta’ Għawdex, saret il-fundazzjoni ta’ dan il-post tal-formazzjoni tas-saċerdoti. Tul dawn is-snin kollha, kienu ħafna s-saċerdoti li ġew iffurmati u ħarġu minn dan is-Seminarju. Ħafna minn dawn il-qassisin qdew barra minn xtutna bħala missjunarji u oħrajn qdew lill-komunitajiet tagħna f’Għawdex.

Mons. Isqof Mario Grech, nhar it-Tlieta filgħodu ngħaqad mal-komunità tas-Seminarju għall-quddiesa ta’ radd il-ħajr. Waqt l-omelija qasira fuq il-Vanġelu tal-ġurnata hu ħeġġeġ lis-seminaristi biex jilqgħu s-sejħa li s-sid jagħmel għall-pranzu (ara Lq 14,15-24). Hu stqarr li mhux faċli li wieħed jgħid iva għal din is-sejħa għax ħafna drabi wieħed ikollu jiċċaħħad minn sigurtajiet li jista’ jkollu f’ħajtu. Madankollu, il-ferħ veru jinsab f’li wieħed jgħix is-saċerdozju kif jixtiequ Ġesù Kristu, kif verament teħtieġu l-Knisja.

IMG_1406Nhar l-4 ta’ Novembru tiġi ċċelebrata wkoll il-festa ta’ San Karlu Borromeo, Isqof ta’ Milan u patrun tas-seminaristi. Mons. Isqof għalhekk, temm ir-riflessjoni tiegħu billi ħeġġeġ lis-seminaristi sabiex jilqgħu l-istedina li dan il-qaddis jagħmel lis-seminaristi u lis-saċerdoti ta’ żmienu: dik li ta’ kuljum ifittxu l-ħin għall-meditazzjoni u t-talb. Mons. Grech radd il-ħajr lill-qassisin, il-formators, li qed jaħdmu biex jiżirgħu dawn il-valuri fil-qalb tas-seminaristi.

F’dan il-jum sar talb speċjali għall-benefatturi ħajjin u mejtin tas-Seminarju, għas-saċerdoti li servew bħal superjuri, għas-sorijiet li qdew fis-Seminarju u anki għas-saċerdoti ħajjin u mejtin li ħarġu mis-Seminarju tagħna.

Ritratti

Share it on