Iż-żmien liturġiku tar-Randan, minnu nnifsu hu żmien li jitlob eżerċizzju fit-talb, fis-sawm u fil-karità. Is-Seminarju, għal din is-sena wkoll, offra l-opportunitajiet kollha biex is-seminaristi, kemm fuq livell personali kif ukoll bħala komunità, ikunu jistgħu japprofittaw tajjeb minn dan iż-żmien. Fil-programm żdiedu l-mumenti tat-talb, fosthom it-talba ta’ nofs il-jum, il-Via Sagra u l-Via Matris. Il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu saret il-korrezzjoni fraterna u l-Via Sagra fuq l-Għolja t’Għammar. It-Tnejn 23 ta’ Marzu saret ukoll ċelebrazzjoni penitenzjali għas-seminaristi. Ta’ kull ġimgħa, tul ir-Randan kollu s-seminaristi ħadu ħsieb imorru fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù biex jiġbru l-karità għall-missjoni ta’ Dun Raymond Portelli fil-Perù, mingħand l-istudenti tal-Iskola. Din is-sena nġabru l-flus biex Dun Raymond ikun jista’ jagħmel sodod ġodda għall-isptar tiegħu li jilqa’ fih nies morda bil-AIDS. Kull nhar ta’ Ħamis, tul ir-Radan, is-seminaristi żaru wkoll l-eżerċizzji li kienu qegħdin jibgħataw fil-parroċċi u fil-knejjes sabiex jiġbru l-offerta ġeneruża tal-poplu ta’ Alla għas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù.