News

Is-Seminaristi fuq il-programm televiżiv TvHemm

Tv HemmNhar il-Ħamis 23 ta’ Mejju filgħaxija t-telespettaturi ta’ TVM kellhom iċ-ċans li jiltaqgħu mal-komunità tas-Seminarju ta’ Għawdex.  Mhix xi ħaġa li tiġri sikwit.  Is-Seminarju fil-fatt, aċċetta bil-qalb din l-istedina tad-direzzjoni tal-programm TvHemm.  Din l-esperjenza żgur li se tibqa’ stampata f’moħħ is-seminaristi kollha, speċjalment dawk li ħadu sehem b’mod dirett fil-programm.

Xi ġimgħat qabel il-programm ġew iżuruna fis-Seminarju xi membri mid-direzzjoni tal-programm TvHemm biex iqattgħu jum magħna.  Huma iffilmjaw il-mumenti prinċipali f’ġurnata tipika tas-Seminarju u għamlu xi intervisti mas-seminaristi, fosthom mad-Djaknu Gabriel li ġie ordnat saċerdot is-Sibt 25 ta’ Mejju.  Permezz ta’ dawn il-filmati huma tellgħu feature li ġie ppreżentat tul il-programm.  Tista’ tara dan il-feature billi tagħfas fuq http://www.youtube.com/watch?v=FMU1NtMZRM0 u http://www.youtube.com/watch?v=uENq2XZWb6c.

Tv Hemm (2)Ir-Rettur, Dun Daniel Xerri, flimkien ma’ erba’ seminaristi oħra telgħu Malta biex jieħdu sehem b’mod dirett fil-programm.  Huma ġew imqassma f’żewġ panels u l-preżentatur, Norman Vella, għamlilhom xi mistoqsijiet li trattaw suġġetti varji.  Is-seminaristi ġew mistoqsija fuq l-esperjenzi u fuq l-istorja tal-vokazzjoni tagħhom.  Huma ġew mistoqsija wkoll fuq kif iħarsu lejn il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum u fuq kif jaħsbu li wieħed jista’ jirbaħ l-isfidi li ġġib magħha l-ħajja tas-saċerdot.  Tul il-programm sar kollegament dirett mas-Seminarista Massimo Buttigieg, li bħalissa qiegħed jagħmel l-esperjenza tas-sena intermedjarja fil-Kanada.

Fi tmiem il-produzzjoni, ir-Rettur irringrazzja mill-qalb lid-direzzjoni tal-opportunità li għoġobhom jagħtu lis-Seminarju ta’ Għawdex.  Hu stqarr li l-vokazzjoni, is-sejħa saċerdotali, meta ġejja minn Alla, hi rigal.  Kemm hi ħaġa sabiħa li wieħed jaċċetta bil-ferħ id-don li Alla jogħġbu jagħtih!

Share it on