News

Is-Seminarista Daniel Sultana mogħti l-Ministeru tal-Akkolitat

Ministry of the Acolyte (20)Daniel Sultana, Seminarista mill-parroċċa tat-Twelid ta’ Marija, ix-Xagħra, irċieva l-ministeru tal-akkolitat minn idejn l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Tommaso Caputo, nhar il-Ħadd 9 ta’ Diċembru 2012, fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra.  Mons. Tommaso Caputo ġie fostna Għawdex biex jagħmel Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr ’l Alla fi tmiem il-missjoni diplomatika tiegħu f’Malta u fil-Libja bħala Nunzju Appostoliku tas-Santa Sede.  Hu beda din il-ħidma fl-2007.  Issa se jkun jaqdi l-ministeru tiegħu f’Napli, bħala Arċisqof tal-belt ta’ Pompei u Delegat Pontifiċju għas-Santwarju tal-Imqaddsa Verġni Marija tar-Rużarju ta’ Pompei.

Fil-prietka tiegħu Mons. Caputo radd ħajr ’l Alla tad-diversi mumenti li hu qasam mal-Knisja f’Għawdex.  Fost dawk li semma hemm il-mewt tas-saċerdot żagħżugħ, Fr Joshua Muscat (fl-2009) u l-mewt tal-Isqof Emeritu Mons. Nikol Ġ. Cauchi (fl-2010); il-mument ta’ ferħ meta l-Papa Benedittu XVI offra r-Rosa d’Oro lis-Santwarju Marjan tal-Madonna Ta’ Pinu (fl-okkażjoni tal-Viżta Appostolika fl-2010) u ż-żjara uffiċjali li Mons. Caputo għamel lis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù (fl-2012).

Ministry of the Acolyte (17)Fi tmiem il-prietka hu għamel aċċenn għall-ministeru li Daniel Sultana kellu jibda jwettaq hekk kif isir akkoltu.  Minn dakinhar ’l quddiem hu kellu jkun eqreb lejn l-artal billi jħejji dak meħtieġ għall-Ewkaristija u anke billi jqarben.  L-akkoltu jkun jinsab tarġa eqreb lejn il-presbiterat, fl-istess waqt għalhekk il-ministeru tal-akkolitat irid jgħin lis-seminarista fit-tħejjija tiegħu għall-ordinazzjoni li jkun se jirċievi.

Fi tmiem il-quddiesa Mons. Isqof Mario Grech offra tifkira lil Mons. Caputo, b’sens ta’ radd il-ħajr għal dak li wettaq mad-djoċesi ta’ Għawdex tul il-missjoni diplomatika tiegħu, u anke b’ringrazzjament għal dak li wettaq miegħu personalment fis-snin tal-bidu tal-ministeru episkopali tiegħu.

Ritratti

Share it on