Nhar il-Ħamis 9 ta’ Mejju filgħaxija Mons. Isqof Mario Grech u l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Anton Refalo, ingħaqdu mal-komunità tas-Seminarju għall-ftuħ tal-wirja Redemptione li qed tittella’ fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi. Din ġiet organizzata mill-Kummissjoni Djoċesana tal-Arti Sagra f’kollaborazzjoni mas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù.
L-ewwel parti ta’ din il-wirja ttellgħet fi żmien il-Milied u ġabet l-isem Incarnatione. Kif jixhdu t-titli: il-wirja ta’ Diċembru li għadda ppreżentat il-misteru tal-Inkarnazzjoni filwaqt li dik ta’ issa ttrattat il-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Wieħed jista’ jsib diversi xogħlijiet tal-arti sagra esibiti f’din il-wirja. Fr Joseph Calleja, mill-Kummissjoni Djoċesana tal-Arti Sagra, fil-ftuħ tal-wirja, spjega tajjeb li dawn ix-xogħlijiet sagri nġabu minn diversi knejjes Għawdxin u anke minn xi kollezzjonijiet privati f’Għawdex.
Dakinhar tal-ftuħ Fr Daniel Xerri, ir-Rettur tas-Seminarju, wera l-apprezzament tiegħu li għal darboħra s-sala tas-Seminarju ntgħażlet biex tilqa’ fiha għal esibizzjoni xogħlijiet tal-arti daqstant sbieħ. Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Anton Refalo, tkellem mir-rabta sħiħa li hemm bejn il-fidi u l-kultura. Hu qal li l-fidi Kattolika kellha u għad għandha sehem imprezzabli fil-formazzjoni tal-kultura Maltija u Għawdxija. Il-Ministru spiċċa billi wera x-xewqa li aktar żgħażagħ Għawdxin ikomplu jitħarrġu fl-arti. Mons. Isqof apprezza li l-Ministru għal Għawdex tkellem mir-rabta tal-fidi u l-kultura. Min-naħa tiegħu żied li l-kultura hi mistiedna biex tgħin lill-persuna tikber fil-fidi u fl-esperjenza tagħha ta’ Alla.
Il-wirja Redemptione se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 19 ta’ Mejju.