News

Il-Velja ta’ Talb għall-Ordinandi

Velja tal-Ordinazzjoni (10)It-tmiem tas-sena akkademika jġib miegħu żewġ mumenti ta’ ferħ kemm għall-komunità tas-Seminarju imma wkoll għad-djoċesi u għall-Knisja kollha.  Dawn huma l-ordinazzjoni presbiterali u l-ordinazzjoni djakonali.

Din is-sena l-ordinazzjoni presbiterali ta’ Gabriel Gauci, mill-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem, saret is-Sibt 25 ta’ Mejju filwaqt li Daniel Sultana, mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra, se jiġi ordnat djaknu s-Sibt 22 ta’ Ġunju.  Bi tħejjija għal dawn il-mumenti qawwija l-Knisja ta’ Għawdex ġiet mistiedna biex il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju tinġabar fis-Seminarju biex tingħaqad mal-ordinandi u titlob flimkien magħhom.

Velja tal-Ordinazzjoni (21)Din il-velja ta’ talb, li ġiet imxandra b’mod dirett fuq Radju Marija, ġiet imqassma fi tliet partijiet prinċipali.  Fl-ewwel mument ingħatat tislima lil Marija Għajnuna tal-Insara, li dakinhar kienet qed tiġi ċċelebrata l-festa tagħha.  Wara ġiet imxandra l-Kelma ta’ Alla u r-Rettur tas-Seminarju spjegaha permezz tal-omelija.  Fi tmiem il-prietka ġie espost Ġesù Sagramentat għal ftit mumenti ta’ adorazzjoni.  Kien wasal imbagħad il-mument biex Gabriel jitlob lill-Mulej jakkumpanjah fil-missjoni l-ġdida li afdalu f’idejh permezz tas-saċerdozju.  Wara, Daniel irringrazzja lil Alla tad-doni kollha li għoġbu jagħtih fil-ħajja tiegħu b’mod speċjali d-don tal-vokazzjoni.  Qabel il-Barka Sagramentali, il-kongregazzjoni ġiet mistiedna biex fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi tistqarr il-fidi tagħha.

Velja tal-Ordinazzjoni (26)Ġesù Ewkaristija ġie meħud imbagħad fil-kappella u baqa’ espost il-lejl kollu sabiex il-fidili setgħu jinġabru għat-talb personali.  Mons. Isqof Mario Grech għalaq il-Velja billi wassal il-messaġġ tiegħu tal-okkażjoni.  Hu stqarr li ċ-ċelebrazzjoni ta’ dakinhar kienet festa ta’ fidi.  Kull vokazzjoni hi qabel kollox stqarrija ta’ fidi.  Kif iħobb jgħid tajjeb il-Papa Franġisku: Knisja mingħajr fidi mhix il-Knisja imma hi NGO.  Mons. Mario Grech stqarr li fis-soċjetà tagħna għad fadal ħafna fidi.  Xhieda ta’ dan hu r-rispett u l-fiduċja speċjali fis-saċerdot.  Hu qal li minħabba l-fidi n-nies iqisu lill-persuna qabel l-ordinazzjoni differenti milli wara l-ordinazzjoni: “illum iħarsu lejn Gabriel mod u għada, minn wara l-ordinazzjoni, se jersqu lejn Gabriel u jitolbuh joffri l-Ewkaristija għall-bżonnijiet tagħhom, jamministralhom is-sagramenti u fuq kollox jinterċedi għalihom”.  Dan kollu jafferma li l-poplu Malti u Għawdxi hu poplu li jemmen u jafda lil Alla.  Mons. Isqof spiċċa billi ħeġġeġ lil kulħadd ikompli jgħarbel u jikber fil-fidi tiegħu.

Share it on