Ta’ kull sena, f’dawn l-aħħar snin, il-manifestazzjoni djoċesana fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ Kristu Re kienet qed tibdel il-forma tagħha sabiex tiġi enfasizzata t-tema tas-sena. Din is-sena, fl-okkażjoni tal-150 sena mit-twaqqif tad-djoċesi, it-tema kienet marbuta mal-vokazzjonijiet. Għaldaqstant il-manifestazzjoni saret il-Ħadd 23 ta’ Novembru, fit-triq ta’ quddiem is-Seminarju. Għaliha kienu mistiedna s-saċerdoti, ir-reliġjużi, is-seminaristi, l-abbatini kollha ta’ Għawdex u anki l-ġenituri tagħhom. Kien mument sabiħ fejn id-djoċesi, bl-għajnuna ta’ Mons. Isqof setgħet tapprezza l-ħidma b’risq il-vokazzjonijiet li qed issir fi ħdan il-Knisja Għawdxija. Mons. Grech enfasizza l-fatt li s-Seminarju hu l-qalb tad-djoċesi tagħna u hu meħtieġ li kull wieħed minna jagħmel ħiltu biex din il-qalb tibqa’ tħabbat!