Nhar il-Ħamis 23 ta’ April Mons. Isqof għarraf lill-komunità tas-Seminarju li hu ħatar lil Dun Michael Curmi, sal-lum Viċi Rettur tas-Seminarju, bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat. Mons. Grech għamel dan waqt Quddiesa li hu mexxa fis-Seminarju, il-Ħamis filgħodu. F’isem il-Komunità, ir-Rettur, Dun Tony Sciberras mssp radd ħajr lil Dun Michael Curmi. Hu stqarr li fil-ftit żmien li ilu hawn bħala rettur, hu għaraf kemm verament Dun Michael uża t-talenti tiegħu sabiex ikun ta’ servizz għas-seminaristi u għall-formazzjoni tagħhom. Dun Michael qeda l-ministeru ta’ Viċi Rettur għal kważi sitt snin: bejn l-2009 u l-2015. Il-Komunità ngħaqdet mar-Rettur f’dan ir-ringrazzjament filwaqt li wiegħdet it-talb u s-sapport kollu tagħha lil dan is-saċerdot li qdiha mill-qalb.