Nhar is-Sibt 7 ta’ Marzu s-seminaristi Maltin flimkien mal-formators tagħhom żaru s-Seminarju ta’ Għawdex. Dan hu wieħed mill-ftit mumenti li fih is-seminaristi jkollhom mument ta’ fraternità flimkien.
Mons. Isqof Mario Grech ingħaqad maż-żewġ komunitajiet u ċċelebra l-Ewkaristija. Fil-ħin tal-prietka hu rrifletta fuq il-Vanġelu msejjaħ tal-Iben il-Ħali. Ħa l-okkażjoni biex iħeġġeġ kemm lis-seminaristi u kif ukoll lis-saċerdoti preżenti biex qabel kollox huma stess ma jibżgħux b’indiema jersqu quddiem Alla. “Aħna lkoll midinbin”, hekk stqarr Mons. Isqof. Min-naħa l-oħra, Alla hu għani fil-ħniena: “hu se jkun dejjem jistenniena b’idejh miftuħa”.
Mons. Grech kompla jgħid li Alla jistenna li s-saċerdot jilbes il-kwalitajiet tiegħu, b’mod speċjali l-kwalità tal-paċenzja. “Alla juri paċenzja kemm ma’ dawk li jzappu minħabba kawża tranżitorja, kif ukoll ma’ dawk li ma jistgħux jimxu minħabba kawża permanenti u għaldaqstant probabbli li qatt ma jistgħu jimxu bħall-oħrajn.” Għaldaqstant Mons. Isqof appella biex is-seminaristi, ’il quddiem fit-twettiq tal-ministeru tagħhom “ma jkunux saċerdoti bla paċenzja man-nies”.
Fi tmiem il-quddiesa r-Rettur tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, ta’ Għawdex, Fr Tony Sciberras mssp wera l-apprezzament tiegħu lill-komunità tas-Seminarju tal-Arċisqof, għaż-żjara tagħhom. Hu tenna l-istedina tiegħu: “you are always welcomed”. Iż-żjara ntemmet permezz tal-ikel flimkien.