Hekk kif ġiet fi tmiemha s-sena akkademika, is-seminaristi bħalissa għaddejjin bl-eżamijiet tagħhom. Dan hu żmien ta’ ħidma intensiva għal kull student. Is-seminaristi bdew l-eżamijiet it-Tlieta 4 u se jispiċċawhom il-Ħamis 13 ta’ Ġunju.
Nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju l-komunità tas-Seminarju ngħaqdet mad-dinja kollha fiċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù. Għalina, din hi festa speċjali. L-ewwel u qabel kollox għax is-Seminarju jġib l-isem tal-Qalb ta’ Ġesù. Barra minn hekk jum is-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù hu jum dinji ta’ talb għall-qdusija tas-saċerdoti. Il-Ġimgħa filgħodu r-Rettur, Dun Daniel Xerri mexxa l-quddiesa, li għaliha kienu mistiedna l-membri kollha tal-istaff tas-Seminarju Maġġuri. Fl-omelija tiegħu Dun Daniel stqarr li Ġesù hu r-ragħaj it-tajjeb: li jagħti l-ħajja tiegħu għal kull nagħaġa. Min-naħa tagħna aħna mistednin naċċettaw din l-imħabba infinita ta’ Kristu. Is-saċerdot hu msejjaħ biex fuq l-eżempju ta’ Ġesù jwassal l-imħabba t’Alla lil kull persuna.
L-Eminenza Tiegħu, il-Kardinal Malti, Prospero Grech osa kien fostna f’Għawdex għall-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu bħala kardinal. Il-Ġimgħa filgħaxija ngħaqad mas-saċerdoti u r-reliġjużi Għawdxin għal mument ta’ talb fil-Knisja Parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana. Is-Sibt filgħodu, Festa tal-Qalb bla tebgħa ta’ Marija, ġie s-Seminarju u ċċelebra magħna l-Ewkaristija. Għal din il-quddiesa kien hemm ukoll Mons. Isqof Mario Grech. Fil-prietka l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Grech ikkwota lill-Papa Franġisku u qal li t-talba tar-rużarju hi mezz mill-aktar effikaċji biex is-saċerdot jibqa’ fidil u magħqud m’Alla fil-ministeru tiegħu. Hu kompla billi spjega vers vers it-talba tal-Ave Maria. Permezz ta’ din it-talba aħna nkunu nitolbu lil Ommna Marija tidħol għalina quddiem Alla f’kull mument ta’ ħajjitna, speċjalment fil-mument ta’ mewtna. Wara l-Ewkaristija l-Kardinal Prospero Grech baqa’ magħna għall-kolazzjon.