News

Il-Ġimgħa Missjunarja fis-Seminarju

thumbnail_IMG_3137Nhar il-Ħadd 22 ta’ Ottubru l-Knisja ċċelebrat Jum il-Missjoni.  Dan hu jum fejn kull wieħed u waħda minna hu mistieden jirrifletti u jagħraf kif jista’ jaqdi s-sejħa tiegħu biex ikun missjunarju fl-ambjent li hu jgħix fih. Hu mument ukoll fejn nitfgħu ħarsitna fuq il-Knisja li tinsab ’il barra mill-pajjiż ċkejken tagħna, speċjalment fil-pajjiżi tat-tielet dinja.

F’din l-okkażjoni l-Grupp Missjunarju fi ħdan il-komunità tas-Seminarju jieħu ħsieb iħejji ġimgħa ta’ attivitajiet.  Hekk anki s-seminaristi jkunu jistgħu jilqgħu s-sejħa li jkunu missjunarji!  Għal din is-sena, it-tema magħżula kienet ‘Iż-Żgħażagħ tama tal-missjoni’.  F’kull ġurnata bejn it-Tnejn 16 u s-Sibt 21 ta’ Ottubru sar talb partikulari għall-missjoni f’kull kontinent. Stajna nagħrfu li barra l-ħafna sorijiet u lajċi missjunarji li ħarġu minn Għawdex tagħna, hemm ukoll kwantità kbira ta’ saċerdoti u patrijiet (aktar minn 60) li sal-lum għadhom jaqdu fil-Knisja ’l bogħod minn pajjiżna.

Mument mill-isbaħ kien il-Ħamis 16 ta’ Ottubru, dakinhar il-Grupp Missjunarju żar l-iskola tas-Seminarju Minuri u tal-iskola Medja tal-Kulleġġ ta’ Għawdex u wassal il-messaġġ missjunarju lit-tfal!

 

Share it on