Nhar il-Ħadd 23 t’Ottubru l-Knisja ċċelebrat Jum il-Missjoni. Dan hu jum fejn kulħadd huwa mistieden jirrifletti u jagħraf kif jista’ jaqdi s-sejħa tiegħu biex ikun missjunarju fl-ambjent li hu jgħix fih. Hu mument ukoll fejn nitfgħu ħarsitna fuq il-Knisja li tinsab ’il barra minn pajjiżna, speċjalment fil-pajjiżi tat-tielet dinja.
F’din l-okkażjoni l-Grupp Missjunarju fi ħdan il-komunità tas-Seminarju jieħu ħsieb iħejji ġimgħa ta’ attivitajiet. B’hekk anki s-seminaristi jkunu jistgħu jilqgħu s-sejħa li jkunu missjunarji! Għal din is-sena, it-tema magħżula kienet ‘Il-Missjoni tibda mid-dar’, ispirata mill-qaddisa ta’ żminijietna, Madre Tereża. Għalhekk bejn il-Ħadd 16 u s-Sibt 22 t’ Ottubru tħejja programm b’ diversi attivitajiet.
Il-Ħadd 16, filgħodu bħala komunità morna l-Isptar Ġenerali t’ Għawdex fejn hemm hekk tajna d-demm. Il-Ħamis 20 filgħodu saret l-Ikla tal-Ġnus għall-istudenti tal-Form 4 tal-iskola tas-Seminarju Minuri. Permezz ta’ din l-ikla l-istudenti setgħu jagħrfu iktar il-faqar li hawn madwarna u li aktarx ħadd minna mhu konxju tiegħu. Filgħaxija kellna magħna lil Fr Martin Cilia MSSP li tana talk dwar l-evanġelizzazzjoni l-ġdida f’ Malta. Imbagħad is-Sibt 22 waqt il-quddiesa ta’ filgħodu Mons. Ġużeppi Farrugia wasslilna riflessjoni dwar l-evanġelizzazzjoni l-ġdida fil-maġisteru ta’ Ġwanni Pawlu II.
Tul il-ġimgħa sar ukoll talb għall-missjunarju li jinsabu ‘l bogħod minn xtutna.