News

Il-Ġimgħa Missjunarja fis-Seminarju

IMG_4594Nhar il-Ħadd li għadda, 18 t’Ottubru, il-Knisja ċċelebrat Jum il-Missjoni.  Dan hu jum fejn kulħadd huwa mistieden jirrifletti u jagħraf kif jista’ jaqdi s-sejħa tiegħu biex ikun missjunarju fl-ambjent li hu jgħix fih.  Hu mument li fih nitfgħu ħarsitna fuq il-Knisja li tinsab ’il barra minn pajjiżna, speċjalment fil-pajjiżi tat-tielet dinja.

F’din l-okkażjoni l-Grupp Missjunarju fi ħdan il-komunità tas-Seminarju jieħu ħsieb iħejji ġimgħa ta’ attivitajiet.  B’hekk anki s-seminaristi jkunu jistgħu jilqgħu s-sejħa li jkunu missjunarji!  Għal din is-sena, it-tema magħżula kienet: Fidi + Karità = Missjoni.  Kuljum, bejn it-Tlieta 13 u s-Sibt 17 ta’ Ottubru sar talb partikulari għall-missjoni f’kull kontinent.  Stajna nagħrfu li barra l-ħafna sorijiet u lajċi missjunarji li ħarġu minn Għawdex tagħna, hemm ukoll kwantità kbira ta’ saċerdoti u patrijiet (’il fuq minn 60) li sal-lum għadhom jaqdu fil-Knisja ’l bogħod minn pajjiżna.

IMG_4599Minn din is-sena, kull tielet Ħamis tax-xahar filgħodu, bħala komunità tas-Seminarju, se ningħaqdu mas-sorijiet Klarissi fil-monasteru tagħhom, Nazaret, fir-Rabat sabiex magħhom nitolbu t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u wara niċċelebraw il-Quddiesa.  Għalhekk nhar il-Ħamis 15 t’Ottubru filwaqt li fakkarna t-tifkira ta’ Santa Tereża t’Avila tajna bidu għal dawn il-Ħamisijiet għand il-Klarissi.  Il-Grupp Missjunarju stieden lill-E.T. Mons. George Bugeja ofm sabiex imexxi l-Quddiesa u jaqsam magħna l-esperjenza missjunarja tiegħu.

Mument mill-isbaħ kien il-Ħamis wara nofsinhar fejn il-Grupp Missjunarju żar l-iskola tas-Seminarju Minuri u wassal il-messaġġ missjunarju lill-istudenti kollha tal-iskola!

 

Ritratti

Share it on