Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-Grupp Missjunarju-Liturġiku ħa ħsieb jorganizza diversi attivitajiet dwar il-missjoni. It-tema magħżula kienet “Int Missjunarju?”, fejn il-messaġġ li xtaqna nwasslu kien li kull bniedem għandu missjoni. Din il-missjoni tibda issa, fl-ambjenti li fihom ngħixu. Mhux neċessarju li mmorru f’artijiet fqar biex inwettqu missjoni. Dak huwa mod sabiħ ħafna kif ngħixu l-missjoni, peròrridu nibdew inwettqu l-missjoni tagħna minn issa. Din il-missjoni hija li ngħixu l-imħabba vera. Dan jitlob minna li nkunu sensittivi għall-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna u nfittxu li dejjem nibnu relazzjonijiet tajbin bejnietna.
Il-progamm għal din il-ġimgħa beda billi t-Tnejn filgħaxija s-seminaristi segwew il-film dwar il-ħajja tal-Isqof Óscar Arnulfo Romero y Galdámez, li sar qaddis fl-14 ta’ Ottubru 2018. Dan il-qaddis riċenti għex fi żmien diffiċli ħafna fil-pajjiż ta’ El Salvador. Ħadem bis-sħiħ favur il-libertà taċ-ċittadini, li kienet qed tiġi maħnuqa minn politika korrotta.
L-Erbgħa, fis-1.00pm, is-seminaristi mexxew il-laqgħa annwali tal-Jum Missjunarju fl-iskola tas-Seminarju Minuri. Tul din il-laqgħa s-seminaristi tkellmu dwar il-missjoni li għandu kull bniedem li jgħix l-imħabba. Kienet mistiedna Francienne Muscat, żagħżugħa Għawdxija li taħdem bħala avukat u li dan is-sajf wettqet esperjenza missjunarja fil-Gwatemala flimkien mal-grupp Gozo Half Marathon. Hija qasmet l-esperjenza tagħha mal-istudenti u tkellmet dwar kif dak li wettqet u esperjenzat fil-Gwatemala għadha tgħixu llum f’Għawdex.
Il-Ħamis filgħodu s-seminaristi marru l-iskola Sir M.A. Refalo fejn hemmhekk daru l-klassijiet kollha biex iwasslu dan il-messaġġ lill-istudenti Għawdxin li jistudjaw hemm.
Is-seminarista Carlos Vargas ipprepara tpenġija li tqassmet waqt it-talksf’forma ta’ bookmark. Din it-tpenġija turi l-missjoni tagħna li flimkien għandna ngħixu din l-imħabba. Fuq wara tas-santa hemm silta mill-messaġġ tal-Papa Franġisku għal dan il-Jum Missjunarju: “Kull raġel u mara huma missjoni, u għalhekk jinsabu hawn fl-art. Il-qalb, l-aktar f’età żagħżugħa, tħoss żewġ tqanqiliet: tħossha attirata u tħossha mibgħuta. Inħossu fina l-qawwa tal-imħabba li twegħedna futur u timbuttana ‘l quddiem fil-ħajja. Ħadd daqs iż-żgħażagħ ma jħoss dik il-qawwa tal-ħajja li tinfed u tattira. Hi sfida kbira li ngħixu b’ferħ ir-responsabbiltà li għandna lejn id-dinja.”
Il-Ġimgħa filgħaxija s-seminaristi ppreparaw Adorazzjoni Missjunarja. Waqt dan il-mument ta’ talb talbu flimkien it-talba tar-Rużarju bil-misteri missjunarji. Kull posta ġiet offruta għal kontinent partikolari madwar id-dinja. Fl-aħħar inqrat silta mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 28:16-20) u saret riflessjoni dwar din is-silta.
Is-Sibt filgħodu, waqt il-quddiesa li ġiet iċċelebrata minn Dun Alex Cauchi, Dun Alex u Sr Josepha Gauci qasmu l-esperjenza missjunarja tagħhom mas-seminaristi.
Din il-ġimgħa waslet fi tmiemha billi s-seminaristi komplew iwasslu dan il-messaġġ attwali fil-gruppi li magħhom jiltaqgħu fi tmiem il-ġimgħa waqt il-ħidma pastorali li jwettqu fil-parroċċi li fihom huma assenjati.