News

Il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fis-Seminarju

Is-Sibt 8 ta’ Diċembru l-komunità tas-Seminarju ngħaqdet mal-Knisja fiċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità tal-Kunċizzjoni.  Għall-komunità tagħna din hi festa speċjali għax il-Kappella tas-Seminarju hi ddedikata lil Ommna Marija tal-Kunċizzjoni.  Fl-okkażjoni ta’ din il-festa l-Grupp Liturġiku organizza diversi attivitajiet speċjali.

Il-Ġimgħa filgħaxija, is-seminaristi kellhom il-kant tal-Għasar fil-Katidral u wara saret l-adorazzjoni tal-ewwel Ġimgħa tax-xahar.  Din tmexxiet minn Fr Alex Refalo u tulha saret it-talba tal-Akathistos.  Din hi it-talba ta’ tifħir li l-Knisja tal-Ilvant tagħmel lil Marija Omm Alla.

Is-Sibt filgħodu kantajna t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum.  Wara l-Lezzjoni Qasira d-Djaknu Gabriel Gauci għamel omelija tal-okkażjoni u tkellem fuq l-oriġini tad-domma tal-Kunċizzjoni.  Kompla l-ħsieb tiegħu billi spjega fil-qosor l-interpretazzjoni Kristoloġika u Ekkleżjoloġika li żewġ teoloġi kbar tas-Seklu Għoxrin (Karl Rahner u Hans Urs von Balthasar) taw lil din id-domma.

Is-seminaristi taw is-servizz tagħhom fil-Pontifikal il-Katidral u f’nofsinhar Mons. Isqof ingħaqad mal-komunità fis-Seminarju għat-Talba ta’ Nofs il-Jum.  Wara l-Lezzjoni Qasira hu għamel ħsieb tal-okkażjoni.  L-Isqof enfasizza fuq il-bżonn tad-djalogu bejna u bejn Alla.  Hu ndika l-fatt li l-Liturġija tal-Kelma tal-ġurnata ħarġet il-kuntrast li hemm bejn Adam: li kien nieqes minn djalogu m’Alla (tant li beża’ minnu); u bejn Marija: li ħajjitha, sa mit-tnissil immakulat tagħha, kienet djalogu kontinwu m’Alla.  Mons. Grech qal li jekk kull Nisrani hu mħeġġeġ li jiddjaloga m’Alla, dan jgħodd b’mod speċjali għalina s-seminaristi u s-saċerdoti.  Bħalma fl-istituzzjonijiet soċjali d-djalogu jsegwi ċerta struttura, id-djalogu tas-saċerdot m’Alla jrid ikun ukoll strutturat.  Hu spiċċa billi spejga liema hi l-istruttura ta’ dan id-djalogu: it-talb, l-istudju akkademiku u l-ubbidjenza għas-superjuri.  Dawn kollha jridu jwasslu lis-seminarista u lis-saċerdot biex jikkomunika m’Alla.

Il-festa ntemmet b’ikla tal-okkażjoni, li għaliha kienu mistiedna l-formators flimkien ma’ Mons. Isqof u s-seminaristi.

Ritratti

Share it on