Is-Sibt 4 ta’ Novembru s-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù għalaq 151 sena. Sentejn biss wara t-twaqqif tad-djoċesi ta’ Għawdex, saret il-fundazzjoni ta’ dan il-post tal-formazzjoni tas-saċerdoti. Tul dawn is-snin kollha, kienu ħafna s-saċerdoti li ġew iffurmati u ħarġu minn dan is-Seminarju. Ħafna minn dawn il-qassisin qdew barra minn xtutna bħala missjunarji u oħrajn qdew lill-komunitajiet tagħna f’Għawdex.
Mons. Isqof Mario Grech, nhar is-Sibt filgħodu ngħaqad mal-komunità tas-Seminarju għat-talb tal-Uffiċċju u tal-Lawdi. Huwa għamel ħseib qasir fuq il-Vanġelu tal-ġurnata (Lq 23: 1-12) fejn ħeġġeġ lis-seminaristi biex bħalma jgħid Ġesù fil-parabbola meta mmorru f’xi festa ta’ tieġ ma nfittxux jew “nieħdu” l-post aħna, imma nħallu lil min ikun stedinna biex isibilna postna. Hu stqarr li ma nagħmlux ħażin jekk nirrinunzjaw għal ċerti privileġġi “mondani” li lill-Knisja tawhomlha fi żminijiet assolutament differenti minn tal-lum – fi żminijiet fejn l-istess Knisja ma kellhiex l-għarfien tagħha nfisha kif għandha llum! L-Isqof kompla jgħid li aħna rridu navviċinaw lil dawk li ma javviċinawniex allura inkunu iktar qrib tal-foqra – kemm dawk li huma foqra materjalment u kemm dawk li huma foqra spiritwalment.
F’dan il-jum sar talb speċjali għall-benefatturi ħajjin u mejtin tas-Seminarju, għas-saċerdoti li servew bħal superjuri, għas-sorijiet li qdew fis-Seminarju u anki għas-saċerdoti ħajjin u mejtin li ħarġu mis-Seminarju tagħna.