News

Id-Djaknu Daniel Sultana jagħmel l-Wegħdiet tiegħu qabel l-Ordinazzjoni Presbiterali

Ta Pinu vows (1)Il-programm tas-Sibt 17 ta’ Mejju kien xi ftit differenti minn tas-soltu.  Il-komunità sebħet kmieni sabiex tagħmel il-pellegrinaġġ annwali għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fl-Għarb.  L-atmosfera kalma ta’ filgħodu għenet sabiex nitolbu t-talba tar-Rużarju, tant mixtieqa minn Ommna Marija. Qabel bdejna r-Rużarju, quddiem il-monument tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, r-Rettur ħeġġiġna sabiex dan il-pellegrinaġġ nagħmluh fl-ispirtu tal-mixja tal-vokazzjoni tagħna li aħna mħeġġin li fuq l-eżempju ta’ dan il-Papa qaddis nafdawha f’idejn Marija.

Mal-wasla fis-Santwarju ta’ Pinu, l-komunità nġabret fil-kappella tad-dehra u hemm ġiet iċċelebrata l-quddiesa.  Wara x-xandir tal-Evanġelju; b’id waħda fuq il-Kelma ta’ Alla, quddiem ix-xbieha tal-Assunzjoni ta’ Marija, u fil-preżenza tal-Ewkristija, id-Djaknu Daniel Sultana għamel il-wiegħda ta’ qabel l-Ordinazzjoni Saċerdotali. Wara bħala komunità għamilna l-att ta’ affidament f’riġlejn Marija.

Id-Djaknu Daniel Sultana se jiġi ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju fis-6.00pm.  Il-Ħamis 29 ta’ Mejju se ssir velja ta’ talb fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù fid-9.00pm.  Fi tmiemha Ġesù Ewkaristija se jibqa’ espost lejl sħiħ fil-kappella tas-Seminarju.  Kulħadd hu mistieden jingħaqad magħna fit-talb għal Daniel li permezz tas-saċerdozju se joffri ħajjtu lil Alla u għall-qadi tal-Knisja tiegħu.

 

Ritratti

Share it on