News

Iċċelebrata l-Festa tal-Kunċizzjoni fis-Seminarju

Imaculate Conception 2013 (2)Nhar it-8 ta’ Diċembru, il-Knisja Kattolika tiċċelebra s-Solennita’ tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din il-festa għandha rabta speċjali mas-Seminarju tagħna, minħabba l-fatt li l-Kappella tas-Seminarju għandha bħala titular tagħha l-Immakulata Kunċizzjoni.

Minħabba li din is-sena, s-Solennita’ tal-Immakulata ħabtet il-Ħadd, bħala komunita’ ċċelebrajna din il-festa xi ftit b’differenza mis-soltu. Għalhekk is-Sibt f’nofsinhar Mons. Isqof ingħaqad mal-komunità fis-Seminarju għat-Talba ta’ Nofs il-Jum. Wara l-Lezzjoni Qasira d-Djaknu Daniel Sultana għamel omelija tal-okkażjoni.

Imaculate Conception 2013 (10)Imbagħad kellna l-ikla tal-festa, li għaliha kienu mistiedna wkoll l-għalliema u l-formators, flimkien ma’ Mons. Isqof.

Is-Sibt filgħaxija imbagħad, is-seminaristi taw is-servizz tagħhom waqt il-kant tal-Għasar li kien iċċelebrat fil-Katidral.

L-għada l-Ħadd, is-seminaristi ħadu sehem fil-Pontifikal li Mons. Isqof mexxa fil-Katidral u filgħaxija ingħaqadna mal-Komunita tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali li kienu qed jiċċelebraw il-festa titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni fejn ħadna sehem fil-quddiesa ta’ filgħaxija li kienet immexxija mir-Rettur tas-Seminarju flimkien mal-formators.

Ritratti

Share it on