B’rabta mal-Jum Missjunarju li ġie ċċelebrat fid-dinja Kattolika nhar il-Ħadd, 20 t’Ottubru, il-Grupp Missjunarju fi ħdan is-Seminarju Maġġuri ħa ħsieb li jorganizza ġimgħa ta’ talb u attivitajiet bil-għan li jqajjem iktar kuxjenza dwar il-missjoni. It-tema għal din is-sena kienet: “Morru għamlu dixxipli mill gnus kollha” (Mt 28,19) meħuda mil-ħsieb tal-Papa Franġisku għal dan il-jum.
Matul din il-ġimgħa kemm fil-Quddiesa kif ukoll waqt it-talb komunitarju saret enfasi għall-missjunarji speċjalment dawk Għawdxin li jinsabu jagħmlu diversi ħidmiet missjunarji, kif ukoll għall-popli li jgħixu fl-artijiet tal-missjoni speċjalment dawk li qed ibatu frott sitwazzjonijiet ta’ inġustizzji u gwerrer ċivili.
Il-grupp ħa ħsieb ukoll li għal waħda mill-Quddies jistieden lil Patri Godfrey Zarb OFM Cap, Gwardjan tal-Fraternita tal-Kapuċċini f’Għawdex, fejn qasam mal-komunita’ ħsieb dwar l-esperjenza missjunarja li huwa wettaq fin-Niġerja.
B’rabta ma’ din il-ġimgħa missjunarja, il-grupp ħa ħsieb ukoll li jorganizza attivita’ fost l-istudenti tal-iskola tas-Seminarju Minuri. Waqt din il-laqgħa, il-grupp wera wkoll filmat qasir mibgħut mis-Seminarist Michael Grima li fl-esperjenza tas-Sena Intermedjarja qed iwettaq ħidma fil-Gwatemala flimkien mas-Saċerdot Għawdxi Dun Anton Grech fejn tkellem ukoll dwar il-ħidma missjunarja li hu qed iwettaq f’dan il-pajjiż.