Nhar it-Tlieta 8 ta’ Diċembru, il-Knisja Kattolika ċċelebrat s-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din il-festa għandha rabta speċjali mas-Seminarju tagħna. Dan minħabba l-fatt li l-Kappella tas-Seminarju għandha bħala titular tagħha l-Immakulata Kunċizzjoni.
It-Tnejn filgħaxija, is-seminaristi kellhom is-servizz tal-kant tal-Għasar fil-Katidral u wara saret il-Lectio Divina fil-kappella tas-Seminarju, li tmexxiet minn Dun Alex Refalo.
It-Tlieta filgħodu tkanta t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum li waqtu d-Djaknu Massimo Buttigieg għamel l-omelija tal-okkażjoni. Hu ppreżenta lil Marija bħala l-mudell ta’ kull Nisrani speċjalment fejn jidħlu l-virtujiet tat-tama u tal-fidi.
Is-seminaristi taw is-servizz tagħhom fil-Pontifikal fil-Katidral u f’nofsinhar il-komunità ltaqgħet fil-kappella tas-Seminarju għat-Talba ta’ Nofs il-Jum. Filgħaxija saret it-talba tal-Akathistos. Din hi it-talba ta’ tifħir li l-Knisja ta’ Lvant tagħmel lil Marija Omm Alla. Tkanta l-Għasar, id-Djaknu Massimo ta l-Barka Sagramentali u kollox għalaq bil-kant tal-Antifona.