L-1 ta’ Mejju, il-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, hi vaganza pubblika. Il-komunità tas-Seminarju, ta’ kull sena, tieħu l-okkażjoni biex dakinhar tqatta’ nofstanhar ta’ mistrieħ f’Malta.
Din is-sena, nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Mejju, is-seminaristi flimkien mal-formators bdew il-ħarġa bi żjara lis-Sorijiet Agostinjani tal-klawsura ta’ Santa Katarina Verġni u Martri, fil-Belt Valletta. Fl-okkażjoni tas-sena ddedikata lill-erwieħ ikkonsagrati, dan kien mument sabiħ sabiex is-seminaristi setgħu jiġu f’kuntatt ma’ dawn l-erwieħ li ddedikaw ħajjithom biex jinterċedu għall-poplu fit-talb. Wara li talbu u tkellmu ftit flimkien, il-komunità marret żaret Casa Rocca Piccola li tinsab propju faċċata tal-monasteru ta’ Santa Katarina.
Iż-żjara f’Casa Rocca Piccola kien ukoll mument interessanti. Il-komunità kellha x-xorti li tiġi ggwidata mill-Baruni Nicholas De Piro nnifsu. F’Casa Rocca Piccola wieħed seta’ jifhem x’livell kulturali għoli kellhom nies Maltin bħalna, antenati tagħna.
F’nofsinhar il-komunità kienet mistiedna għall-ikel fis-Seminarju tal-Virtù. Dan kien mument sabiħ peress li ż-żewġ komunitajiet, dik tas-Seminarju tal-Arċisqof u dik tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù setgħu jiltaqgħu u jitkellmu flimkien.