News

Ġurnata ta’ mistrieħ f’Malta

Malta 1st May (2)Ta’ kull sena, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, il-komunità tas-Seminarju flimkien mal-formators, jieħdu ġurnata ta’ mistrieħ f’Malta.  Hekk sar ukoll din is-sena, nhar il-Ħamis l-1 ta’ Mejju.

Hekk kif wasalna Malta, bqajna sejrin Birkirkara fejn żorna l-Oratorju tal-MSSP. Hemm bħala komunita’ ġejna mdawwra madwar il-post minn Fr. Martin Cilia, li spjegalna wkoll il-ħidma pastorali li din il-komunita’ qed twettaq b’rabta mal-katekeżi. Wara l-quddiesa li l-komunita’ tas-seminarju ċċelebrat fl-istess post morna nżuru l-kappella tal-Oratorju fejn Fr. Nathaniel Teuma spjegalna x-xogħol li qed jagħmel bħalissa marbut mal-pittura tal-ikoni u tagħna spjegazzjoni fuq kull ikona.

Minn Birkirkara, bqajna sejrin il-Birgu fejn żorna l-palazz tal-Inkwiżitur. F’dan il-palazz kellna x-xorti naraw xi aspetti marbuta ma’ żmien l-inkwiżizzjoni f’pajjiżna kif ukoll nammiraw l-arkitettura u diversi opri artistiċi.

F’nofsinhar żorna s-Seminarju Tal-Virtù u hemm il-komunità tas-Seminarju tal-Arċidjoċesi laqgħetna għall-ikel. Intant qabel ir-ritorn lura lejn Għawdex bħala komunita’ żorna l-MonteKristo Animal Park li hu post fejn wieħed jista’ jammira l-annimali, xi whud rari għal pajjiżna.

 

Ritratti

Share it on