News

Ġimgħa Vokazzjonali f’Ta’ Kerċem

Għat-tielet sena konsekuttiva IMG_1955s-Seminarju organizza ġimgħa ta’ missjoni f’parroċċa partikulari.  Din is-sena saret bejn il-Ħadd 23 u l-Ġimgħa 28 ta’ Novembru fil-parroċċa ta’ San Girgor il-Kbir u l-Madonna tas-Sokkors, f’Ta’ Kerċem.  L-iskop tal-missjoni kien wieħed vokazzjonali.  Għaldaqstant kien hemm diversi mumenti sbieħ matul din il-ġimgħa li fihom is-seminaristi setgħu jiltaqgħu ma’ tfal, adolexxenti u żgħażagħ. 

Għal aktar minn darba l-komunità tas-Seminarju ċċelebrat l-Ewkaristija mal-komunità parrokkjali, is-seminaristi żaru wkoll l-iskejjel primarji li hemm f’Ta’ Kerċem, ġew organizzati diversi mumenti ta’ adorazzjoni u anki saret laqgħa liż-żgħażagħ.  Kien hemm ukoll mument ta’ fraternità mas-saċerdoti tal-parroċċa.  Madankollu l-aktar attività ċentrali kienet l-home visits.  Is-seminaristi, bejn it-Tnejn u l-Ħamis, kellhom iċ-ċans iżuru diversi familji li għandhom ulied adolexxenti, xi familji bit-tfal żgħar u anki lil xi anzjani fi djarhom.  Fi tmiem din l-esperjenza s-seminaristi flimkien mas-superjuri tas-Seminarju raddew ħajr lil Alla, lill-Kappillan Dun Brian Meilak u anki lill-parroċċa Ta’ Kerċem talli offritilhom din l-opportunità sabiħa biex permezz tagħha huma setgħu jħossuhom aktar qrib tal-Poplu ta’ Alla.

Ritratti

Share it on