News

Ġimgħa Vokazzjonali fil-Parroċċa tal-Viżitazzjoni tal-Madonna, l-Għarb

Tul din il-ġimgħa, bejn il-Ħadd 4 u l-Ġimgħa 9 ta’ Novembru, il-Grupp tal-Vokazzjonijiet fi ħdan is-Seminarju organizza ġimgħa ta’ talb għall-vokazzjonijiet fil-parroċċa tal-Għarb.  Fil-quddies kollu li sar tul din il-ġimgħa fl-Għarb, saret talba tal-fidili għall-vokazzjonijiet.  Barra minn hekk ġew organizzati wkoll xi attivitajiet li mmarkaw din il-ġimgħa.  It-Tlieta 6 ta’ Novembru żewġ seminaristi żaru l-Għarb u mexxew laqgħa għat-tfal tad-duttrina fil-knisja parrokkjali.  Huma bnew ir-riflessjoni tagħhom fuq is-sejħa ta’ Samwel u qasmu magħhom l-esperjenza tal-vokazzjoni tagħhom.  Il-Ħamis filgħaxija żewġ seminaristi oħra mexxew l-adorazzjoni għall-vokazzjonijiet li s-soltu ssir fl-Għarb.  F’ambjent ta’ ġabra dawn is-seminaristi ngħaqdu mal-parroċċani f’talb għas-saċerdoti u anke talb għall-vokazzjonijiet fi ħdan l-istess parroċċa.  L-aħħar attività saret il-Ġimgħa filgħaxija.  Dakinhar il-komunità kollha tas-Seminarju żaret il-knisja parrokkjali tal-Għarb u ċċelebrat l-Ewkaristija flimkien mal-komunità parrokkjali.  Ir-Rettur Fr Daniel Xerri mexxa l-quddiesa u d-djaknu Gabriel Gauci għamel l-omelija.  Gabriel spjega kif l-ewwel qari tal-ġurnata (Eż 47,1-2.8-9.12) hu sejħa biex l-komunità parrokkjali, il-ġebel ħaj tal-Knisja, ikunu bħax-xmara ta’ ilma ħelu li twassal lil Kristu mill-għajn (mill-knisja) għal kull post (b’mod speċjali f’dak l-imkien fejn il-preżenza ta’ Alla ma tinħasx).  Jekk din hi sejħa għal kull Nisrani, hi tgħajjat b’mod aktar qawwi lis-saċerdot:  il-mibgħut tal-Mulej per eċċellenza.

 

Ritratti

Share it on