News

Ġimgħa Vokazzjonali fil-Parroċċa tal-Qala

Qala Experience (14)“Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddierma għall-ħsad tiegħu.” (Mt 9, 37-38). Kien b’dan il-ħsieb f’moħħna, meħud mill-Evanġelju skont San Mattew, li l-komunità tas-Seminarju għexet l-esperjenza tal-ġimgħa vokazzjonali li ġiet orġanizzata fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġuzepp, fir-raħal tal-Qala.

Wara l-esperjenza ta’ Fidi li l-komunità tas-Seminarju għamlet is-sena l-oħra fil-Parroċċa tal-Għasri, din is-sena l-komunità  tas-Seminarju kienet mistiedna sabiex matul il-ġimgħa ta’ bejn il-15 u t-22 ta’ Novembru tagħmel esperjenza oħra fejn din id-darba tiffoka b’mod partikulari fuq il-Vokazzjonijiet speċjalment il-vokazzjonijiet saċerdotali u ta’ ħajja kkonsagrata.

Prinċipalment l-esperjenza kienet tikkonsisti f’mumenti ta’ talb komunitarju, kif ukoll fiż-żjajjar tal-familji fid-djar tagħhom. Matul din il-ġimgħa, l-esperjenza kienet ukoll imsieħba miċ-ċelebrazzjoni ta’ kuljum tal-Quddiesa minn wieħed mis-superjuri tas-Seminarju kif ukoll minn ħin ta’ Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat waqt li s-seminaristi jkunu qed jagħmlu ż-żjajjar fid-djar.

Din l-esperjenza fetħet b’quddiesa nħar il-Ġimgħa, 15 ta’ Novembru fil-Knisja Parrokjali ċċelebrata mir-Rettur tas-Seminarju Dun Daniel Xerri flimkien mas-superjuri tas-Seminarju u l-Arċipriet u s-saċerdoti li jaqdu l-ministeru tagħhom f’din il-Parroċċa.

Imbagħad s-seminaristi matul il-ġimgħa kellhom l-opportunita’ li jiltaqgħu ma’ numru sabieħ ta’ tfal u żgħażagħ f’laqgħat li ġew orġanizzati għalihom. Fost dawn ta’ min isemmi l-laqgħat b’temi vokazzjonali li s-seminaristi mexxew fiċ-ċentri tad-duttrina għat-tfal, laqgħat fejn deher ukoll l-interess tat-tfal li jsiru jafu aktar dwar x’inhi l-vokazzjoni, u kif wieħed jista’ jagħraf is-sejħa tiegħu. Ma’ dawn wieħed irid ukoll isemmi l-laqgħa sabiħa li kellna fl-iskola primarja tar-raħal, fejn kellna l-opportunita’ li nidħlu fil-klassijiet tal-iskola u niltaqgħu mal-istaff u l-istudenti.

Qala Experience (9)Aspett importanti ta’ din l-esperjenza kienet iż-żjajjar tas-seminaristi fid-djar. Minħabba d-daqs tal-Parroċċa, matul din is-sena, ż-żjajjar saru lill-familji fejn joqogħdu l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. Li tidħol f’dar ta’ familja partikulari u ssib akkoljenza tajba li tgħinek tibni konversazzjoni, hi diġa esperjenza sabiħa. Matul dawn iż-żjajjar s-seminaristi kellhom ċ-ċans li waqt li jsiru jafu xi ftit lil dawn il-familji, jitkellmu magħhom dwar il-vokazzjonijiet, waqt li ma jonqosx li jaqsmu magħhom ukoll is-sejħa tal-vokazzjoni tagħhom. Ta’ min jgħid li kien hemm żgħażagħ li wrer interess partikulari u għalhekk ma naqsitx l-istedina min-naħa tas-seminaristi, sabiex jkomplu jfittxu aktar fil-fond dwar is-sejħa tagħhom.

Din l-esperjenza kienet waħda ta’ ġid mhux biss għall-Parroċċa tal-Qala imma wkoll għall-komunità tas-Seminarju għax waqt li kienet mument ta’ promozzjoni vokazzjonali, kienet ukoll esperjenza li għenet lill-komunità  tidħol fir-realta’ tal-ħajja pastorali u tara xi ftit iżjed mill-qrib ir-realta li fiha qed tgħix il-Knisja llum.

 

Ritratti

Share it on