News

Ġimgħa Vokazzjonali fil-Parroċċa Ta’ Sannat

IMG_4782Nhar il-Ħadd 26 ta’ Novembru, wara diversi tħejjijiet, il-komunità tas-Seminarju tat bidu għall-esperjenza vokazzjonali ġewwa l-parroċċa ta’ Sannat. Din l-esperjenza li ġiet organizzata bejn il-Ħadd 26 ta’ Novembru u l-Ġimgħa l-1 ta’ Diċembru kellha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar il-vokazzjonijiet Saċerdotali waqt li jsir ukoll talb lil Alla sabiex ikompli jsejjaħ aktar vokazzjonijiet qaddisa, anke mill-Parroċċa ta’ Sannat, sabiex jaħdmu fil-għalqa tiegħu.

Din il-ġimgħa fetħet b’Quddiesa, immexxiha mill-Viċi-Rettur flimkien mal-formators u mas-saċerdoti kollha tal-parroċċa. Għal aktar minn darba l-komunità tas-Seminarju ċċelebrat l-Ewkaristija mal-komunità parrokkjali, is-seminaristi żaru wkoll l-Iskola Primarja t’Għajnsielem.  Ġew organizzati diversi mumenti ta’ adorazzjoni u anki saru laqgħat lit-tfal fid-djar tad-duttrina u tal-MUSEUM.  Saru laqgħat lill-gruppi tal-adolexxenti u liż-żgħażagħ fiċ-Ċentru Parrokkjali.  Fi tmiem il-ġimgħa ġie organizzat ukoll mument ta’ fraternità maż-żgħażagħ u mas-saċerdoti tal-parroċċa.  Madankollu l-aktar attività ċentrali tul din il-ġimgħu kienet il-home visits.  Is-seminaristi, bejn it-Tnejn u l-Ħamis, kellhom iċ-ċans iżuru diversi familji li għandhom ulied adolexxenti jew żgħażagħ.  Fi tmiem din l-esperjenza s-seminaristi flimkien mas-superjuri tas-Seminarju raddew ħajr lil Alla, lill-Arċipriet Dun Michael Curmi u anki lill-parroċċa ta’ Sannat talli offritilhom din l-opportunità sabiħa biex permezz tagħha huma setgħu jħossuhom aktar qrib tal-Poplu ta’ Alla.

Ritratti

Share it on