News

Ġimgħa Vokazzjonali f’Għajnsielem

IMG_4735Għar-raba’ sena konsekuttiva l-komunità tas-Seminarju organizzat ġimgħa ta’ missjoni f’parroċċa partikulari.  Din is-sena saret bejn il-Ħadd 15 u l-Ġimgħa 20 ta’ Novembru fil-parroċċa tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem.  L-iskop tal-missjoni kien wieħed vokazzjonali.  Għaldaqstant kien hemm diversi mumenti sbieħ matul din il-ġimgħa li fihom is-seminaristi setgħu jiltaqgħu ma’ adolexxenti u żgħażagħ.

Għal aktar minn darba l-komunità tas-Seminarju ċċelebrat l-Ewkaristija mal-komunità parrokkjali, is-seminaristi żaru wkoll l-Iskola Primarja t’Għajnsielem u l-Istitut tal-MCAST li jinsab ukoll f’Għajnsielem.  Ġew organizzati diversi mumenti ta’ adorazzjoni u anki saru laqgħat lit-tfal fid-djar tad-duttrinaIMG_4846 u tal-MUSEUM.  Saru laqgħat lill-gruppi tal-adolexxenti u liż-żgħażagħ fiċ-Ċentru Parrokkjali.  Fi tmiem il-ġimgħa ġie organizzat ukoll mument ta’ fraternità maż-żgħażagħ u mas-saċerdoti tal-parroċċa.  Madankollu l-aktar attività ċentrali tul din il-ġimgħu kienet il-home visits.  Is-seminaristi, bejn it-Tnejn u l-Ħamis, kellhom iċ-ċans iżuru diversi familji li għandhom ulied adolexxenti jew żgħażagħ.  Fi tmiem din l-esperjenza s-seminaristi flimkien mas-superjuri tas-Seminarju raddew ħajr lil Alla, lill-Arċipriet Dun Frankie Bajada u anki lill-parroċċa t’Għajnsielem talli offritilhom din l-opportunità sabiħa biex permezz tagħha huma setgħu jħossuhom aktar qrib tal-Poplu ta’ Alla.

 

Ritratti

Share it on