News

Ġimgħa ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz

Prayer for Vocations at the Parish of St Lawrence (2)Il-komunità tas-Seminarju organizzat ġimgħa ta’ talb għall-vokazzjonijiet fil-parroċċa ta’ San Lawrenz, f’San Lawrenz Għawdex bejn il-Ħadd 5 u l-Ġimgħa 10 ta’ Mejju.  Din kienet l-aħħar waħda għal din is-sena ta’ formazzjoni.  L-ewwel waħda saret fil-parroċċa tal-Viżitazzjoni fl-Għarb (f’Novembru li għadda) u l-oħra saret fil-parroċċa ta’ San Ġużepp u l-Kunċizzjoni fil-Qala (f’Marzu 2013).

Ta’ kuljum saret talba għall-vokazzjonijiet fil-quddies.  Il-Ħamis 9 ta’ Mejju, żewġ seminaristi marru jkellmu lit-tfal tad-duttrina fiċ-Ċentru Parrokkjali.  Huma qasmu magħhom riflessjonijiet fuq is-sejħa li Alla għandu għal kull wieħed minna.  Wara tkellmu wkoll fuq l-esperjenza tal-vokazzjoni tagħhom.  Fl-istess ġurnata, filgħaxija, żewġ seminaristi oħra flimkien mad-djaknu Gabriel, ingħaqdu mal-komunità parrokkjali fl-adorazzjoni għall-vokazzjonijiet li ssir ta’ kull ġimgħa.

Prayer for Vocations at the Parish of St Lawrence (6)Il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju l-komunità kollha tas-Seminarju flimkien mal-formators mexxew il-quddiesa ta’ filgħaxija fil-knisja parrokkjali.  Ir-Rettur waqt l-omelija stqarr li fil-missjoni tiegħu s-saċerdot faċilment jaħbat jaqta’ qalbu u jħossu waħdu.  Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, wiegħdna li se jibqa’ magħna sat-tmiem.  Hu ħeġġeġ għalhekk lill-poplu ta’ Alla biex isostnu bit-talb tagħhom lill-presbiteri, biex dawn jiftakru dejjem li l-għalqa hi tal-Mulej u mhux tagħhom.  Hekk huma jkunu dejjem aktar konxji tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tagħhom.

Ritratti

Share it on