Nhar il-Ħadd 26 ta’ Frar 2012, l-ewwel Ħadd tar-Randan, Mons. Isqof Mario Grech ta l-ministeru tal-Lettorat lis-seminarista Daniel Sultana mill-parroċċa tax-Xagħra u l-ministeru tal-Akkolitat lis-seminarista Gabriel Gauci mill-parroċċa ta’ Kerċem. Il-ministeri ngħataw waqt konċelebrazzjoni fil-parroċċa ta’ Kristu Salvatur, fl-Għasri. Waqt l-omelija tiegħu Mons. Isqof qal: “Kif fid-deżert Kristu kien imġarrab, hekk ukoll jiġri lid-dixxipli tiegħu, speċjalment lil dawk li huwa jagħżel għalih! Importanti li aħna nxandru lil Kristu sħiħ! F’epoka bħal din tagħna, mhix daqshekk remota t-tentazzjoni li, biex jogħġbu lill-massa, il-ħabbara tal-Vanġelu jaslu li jipprietkaw parti biss mill-verità. Dan mhux biss ikun imur kontra l-lealtà tagħna lejn Alla li sejħilna u bagħatna, imma wkoll kontra dik lejn il-bnedmin, għax b’dan il-mod inkunu nkattru n-nixfa spiritwali.”