Il-Ħamis 10 ta’ Marzu ħabat it-30 anniversarju mid-dedikazzjoni tal-kappella tas-Seminarju tagħna. Kien ukoll is-sitt Ħamis b’talb għal aktar vokazzjonijiet għal din is-sena. Filgħodu mexxa l-quddiesa r-Rettur u waqt l-omelija fakkar li aħna lkoll tempji tal-Ispirtu s-Santu. Wara, fetħet l-adorazzjoni li ġiet fi tmiema fl-4pm bil-Barka Sagramentali. Fis-5.45pm iltqajna fil-knisja parrokkjali tax-Xewkija għal siegħa adorazzjoni flimkien mal-ġemgħa miġbura. Fl-ewwel parti tal-adorazzjoni Fr Tony mssp għamel ħsieb fuq il-Vanġelu tal-ħames Ħadd tar-Randan, meħud minn waħda mill-omeliji ta’ Dun Mikiel Attard. Fit-tieni parti xi seminaristi komplew l-adorazzjoni permezz ta’ xi ħsibijiet marbuta ma’ dan iż-żmien qaddis u anke mat-tema tal-ħniena. L-adorazzjoni ntemmet permezz tal-Barka Sagramentali.
L-appuntament tagħna għal Ħamis ieħor b’talb għall-vokazzjonijiet hu għall-Ħamis 14 ta’ April fis-7.30pm, fil-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz.