News

Gabriel Gauci u Daniel Sultana jagħmlu l-Wegħdiet tagħhom

Ordinands' vows (4)Il-programm tas-Sibt 11 ta’ Mejju ħa xejra differenti minn tas-soltu.  Il-komunità sebħet kmieni u wettqet pellegrinaġġ għas-Santwarju Ta’ Pinu fl-Għarb.  L-atmosfera kalma ta’ filgħodu għenet biex nitolbu t-talba tant mixtieqa minn Ommna Marija, ir-Rużarju.  Dun Alex Refalo ħeġġiġna biex fir-Rużarju nitolbu għall-ordinandi u anke għalina lkoll biex nagħrfu naqtgħu l-frott li l-Mulej kabbar fina tul din is-sena.

Mal-wasla Ta’ Pinu l-komunità nġabret fil-kappella tad-dehra u hemm ġiet iċċelebrata l-quddiesa.  Wara x-xandir tal-Evanġelju; b’id waħda fuq il-Kelma ta’ Alla, quddiem ix-xbieha tal-Assunzjoni ta’ Marija, u fil-preżenza tal-Ewkristija, is-Seminarista Daniel Sultana stqarr il-Fidi tiegħu, wiegħed l-ubbidjenza u l-fedeltà għat-tagħlim tal-Knisja, u wiegħed ukoll li bil-għajnuna ta’ Alla se jħaddan il-ħajja ċelibi.  Wara, id-Djaknu Gabriel Gauci stqarr il-Fidi tiegħu u ġedded il-wegħdiet li hu kien għamel is-sena l-oħra, qabel ġie ordnat djaknu.

Ordinands' vows (10)Gabriel Gauci se jiġi ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex is-Sibt 25 ta’ Mejju fis-6.00pm.  Filwaqt li Daniel Sultana se jiġi ordnat djaknu fil-Katidral is-Sibt 22 ta’ Ġunju fis-6.00pm.  Il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju se ssir velja ta’ talb għall-ordinandi fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù fid-9.00pm.  Fi tmiemha Ġesù Ewkaristija se jibqa’ espost lejl sħiħ fil-kappella tas-Seminarju.  Kulħadd hu mistieden jingħaqad magħna fit-talb għal sħabna Gabriel u Daniel li se joffru ħajjithom lil Alla u għall-qadi tal-Knisja tiegħu.

Ritratti

Share it on