News

Gabriel Gauci ordnat Presbiteru

Dun Gabriel GauciIs-Sibt li għadda, 25 ta’ Mejju, id-Djaknu Gabriel Gauci, mill-parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u ta’ San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem, ġie ordnat saċerdot.  Mons. Isqof Mario Grech ordnah qassis waqt quddiesa fil-Katidral ta’ Marija Assunta, il-Belt Victoria.  Dakinhar il-Knisja kienet qed tiċċelebra s-Solennità tat-Trinità Qaddisa.

Numru sabiħ ta’ saċerdoti, il-membri tal-komunità tas-Seminarju, membri mill-komunità parrokkjali Ta’ Kerċem u t’Għajnsielem, flimkien ma’ diversi persuni oħra akkumpanjaw lil Gabriel f’dan il-mument tant importanti għalih f’ħajtu.  Ħafna oħra segwew il-quddiesa permezz ta’ Radju Marija.

Rublev Holy TrinityFl-omelija tiegħu Mons. Isqof beda billi għamel kuntrast bejn l-ikona tat-Trinità Qaddisa tal-ikonografu Russu Andrey Rublyov (1411), u l-istess ikona ppreżentata mill-pittur Russu Marc Zaharovich Chagall (1956).  Fl-ewwel ikona t-Trinità Qaddisa hi ppreżentata tħares lejna fuq sfond tad-deheb.  It-tieni, min-naħa l-oħra, hi mpittra fuq sfond aħmar u qed tagħtina daharha.  Mons. Grech stqarr li l-bniedem tal-lum m’għadux jagħraf min hu Alla.  Rublyov jippreżenta l-għaqda immensa u r-relazzjoni perfetta li teżisti bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu permezz tal-isfond dehbi.  Alla tagħna hu Mħabba: Hu l-Imħabba perfetta.  Alla jixtieq li jdawwal lid-dinja tagħna permezz ta’ din ir-relazzjoni ta’ mħabba.  Fil-fatt Ġesù fl-Evanġelju jistedinna biex aħna wkoll nippruvaw inħobbu hekk kif ħabbna hu.  Mons. Isqof qal id-dinja tagħna hi dinja mibnija fuq id-diviżjoni, dinja frammentata.  Dan ma jaqbilx mal-għaqda li teżisti fi ħdan Alla tagħna.

Chagall Holy TrinityChagall jippreżenta din id-diviżjoni bil-kulur aħmar.  Il-bniedem kontemporanju ma jafx min hu Alla.  Għal din ir-raġuni l-pittur ipitter it-Trinità b’wiċċha l-ġewwa.  Is-saċerdot novell flimkien ma’ sħabu s-saċerdoti l-oħra, huma msejħin biex ikunu ħajjata.  Mons. Grech spjega li l-qassis hu msejjaħ biex bi kliemu imma fuq kollox bl-eżempju tiegħu jħit lill-bnedmin flimkien permezz ta’ ħajt tad-deheb.  Dan hu l-ħajt tal-imħabba ta’ Alla.  Fi kliem ieħor is-saċerdot hu msejjaħ biex ikun dak li jwassal l-imħabba ta’ Alla fil-qalb ta’ kull bniedem.  Hekk biss jista’ l-bniedem tal-lum jerġa’ jara l-wiċċ ta’ Alla u jiskopri l-identità tat-Trinità.  Hekk biss id-dinja tagħna tista’ tkun dinja li tirrifletti l-għaqda tal-imħabba li teżisti fi ħdan Alla.

Share it on