News

Ftuħ tal-Wirja ta’ Arti Sagra fuq il-misteru tal-Milied: Incarnatione

DSCF1308Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Diċembru filgħaxija s-seminaristi bdew il-waqfa tagħhom għall-Milied.  Tul il-ħmistax ta’ vaganzi huma setgħu jqattgħu aktar ħin mal-familja tagħhom, jistrieħu, imma anke jkunu aktar preżenti fil-parroċċi tal-pastorali u fil-parroċċi tal-oriġini tagħhom.

Mons. Isqof Mario Grech, dakinhar filgħaxija, ġie s-Seminarju jmexxi l-quddiesa ta’ radd il-ħajr fi tmiem l-ewwel term.  Għal din il-quddiesa kienu mistiedna l-ġenituri tas-seminaristi flimkien mal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju.  Mons. Isqof bena l-omelija tiegħu fuq l-ewwel qari tal-ġurnata, mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija: “Il-Mulej hu f’nofsok; ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’” (Sof 3,15).  Hu fakkar lilna lkoll preżenti li aħna, dawk li ninsabu qrib Alla, imsejħin inwasslu din l-aħbar lin-nies kollha ta’ madwarna.

DSCF1319Fi tmiem il-quddiesa sar il-ftuħ tal-wirja Incarnatione.  Fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi l-Kummissjoni Djoċesana tal-Arti Sagra flimkien mas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù ħadu ħsieb itellgħu wirja ta’ arti sagra fuq il-misteru tal-Milied, fis-sala tas-Seminarju.  Hemm il-ħsieb ukoll li fi żmien l-Għid tiġi mħejjija wirja oħra, din id-darba fuq il-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.  Ir-Rettur, Fr Daniel Xerri, ta merħba lil dawk preżenti u spjega l-iskop għalfejn ittellgħet din il-wirja.  Fr Joseph Calleja, mill-Kummissjoni Djoċesana tal-Arti Sagra, ta kritika tax-xogħlijiet li jinsabu eżebiti.  Mons. Isqof, imbagħad, qabel ma nieda l-wirja, wera l-apprezzament tiegħu għall-inizjattiva li ttieħdet u ħeġġeġ biex nivvalutaw aktar l-arti sagra bħala espressjoni tal-fidi tagħna.

Ritratti

Share it on