News

Daniel Sultana aċċettat bħala kandidat għall-Ordinazzjoni Djakonali

Daniel Sultana accepted as candidate for the Ordination as DeaconNhar il-Ħadd 21 ta’ April, ġie ċċelebrat fil-Knisja Kattolika l-ħamsin jum dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet.  F’din l-okkażjoni l-komunità tas-Seminarju nġabret fil-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ, flimkien ma’ Mons. Isqof Mario Grech u mal-komunità parrokkjali taż-Żebbuġ għal Ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla u għar-Rit tal-Ammissjoni ta’ Daniel Sultana.

Wara li nqrat silta mit-Testment il-Qadim u oħra mill-Evanġelju, Daniel Sultana qasam l-esperjenza vokazzjonali tiegħu ma’ dawk preżenti.  Daniel stqarr li Alla, fil-konfront tiegħu għamel bħalma għamel mal-Profeta Ġeremija: għarfu u għażlu sa minn qabel ġie msawwar fil-ġuf ta’ ommu.  Dan hu l-kobor ta’ Alla u tas-sejħat tiegħu: hu ma jagħżilx għax il-persuna tkun għamlet xi ħaġa speċjali, imma jagħżel lill-persuna għax iħobbha, anke jekk dgħajfa.  Alla jagħżel u jitlob li l-persuna tikber fl-umanità tagħha.  Daniel irringrazzja lil Alla talli tul ħajtu, fil-familja tiegħu, fis-seminarju u fl-ambjenti li fihom trabba, tah nies li għenuh jikber bħala ‘raġel’.  Hu dan il-mod li permezz tiegħu Daniel seta’ jilqa’ s-sejħa ta’ Alla; hu dan il-mod li permezz tiegħu hu seta’ jsib il-ferħ, u li issa qed iħoss li għandu jaqsmu mal-bnedmin l-oħra.

Daniel Sultana accepted as candidate for the Ordination as Deacon (2)Mons. Isqof, fl-omelija tiegħu, ikkonferma dak li qal is-Seminarista Daniel Sultana.  Il-Knisja qed ixxandar il-messaġġ ta’ Kristu f’dinja fejn il-progress qed itellef lill-bniedem milli jkun verament uman.  Kull persuna hi msejħa għall-qdusija.  Mons. Isqof fakkarna li s-sejħa għall-qdusija trid tiġi msarrfa fil-ħajja ta’ kuljum: filli kull wieħed minna jipprova jkun aktar bniedem.  Hu rringrazzja lil Daniel li permezz tal-esperjenza tiegħu fakkarna f’din il-missjoni tas-saċerdot: li hu qabel kollox jgħix il-qdusija billi jgħix ta’ bniedem veru u integru; fl-istess ħin jaqsam il-ferħ li jiġi mill-qdusija mal-bnedmin l-oħra.  F’dan id-dawl Mons. Grech spiċċa billi fakkar lil dawk preżenti li dakinhar kien qed jiġi ċċelebrat Jum il-Vokazzjonijiet.  Ħeġġeġ għalhekk lil kull wieħed biex jitlob ħalli l-Mulej ikompli jibgħat ħaddiema, persuni qaddisin, li jkunu lesti li jkunu xhieda ta’ Kristu u qaddejja għal kull bniedem.

Fi tmiem il-ħsieb tiegħu, Mons. Mario Grech ħabbar li Daniel Sultana hu ammess uffiċjalment bħala kandidat għall-ordinazzjoni djakonali li ser issir f’Ġunju li ġej.

Share it on