Ix-xahar ta’ Diċembru hu xahar partikulari. F’dan iż-żmien ħarset kulħadd taqa’ fuq il-maxtura u fuq l-għar ta’ Betlehem. Dan huwa xahar speċjali għall-komunità tas-Seminarju wkoll. F’dan iż-żmien il-programm tal-ġurnata jiġi immodifikat. Jisbieħ ukoll il-bini tas-seminarju u anki jiġu organizzati attivitajiet li ma jsirux fil-bqija tas-sena.
Tul żmien l-Avvent jiżdiedu l-mumenti ta’ talb komunitarji. Fost l-oħrajn, ta’ kuljum fis-6.15am isir it-talb tal-Uffiċċju tal-Qari u f’12.00pm issir it-Talba ta’ Nofs il-Jum. Fil-quddiesa ta’ kuljum isir ħsieb fuq il-Kelma ta’ Alla. Eventwalment mill-15 ta’ Diċembru bdiet ukoll in-Novena tal-Milied bi ħsibijiet imħejjijin mis-seminaristi.
Mument ieħor speċjali, li jaħbat f’dan iż-żmien, hija l-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, li hi wkoll it-titular tal-kappella tas-seminarju t’Għawdex. Għaldaqstant, din hi festa speċjali għall-komunità. Din is-sena, filgħaxija, mess lil Mario Curmi jagħmel il-ħsieb tal-okkażjoni. Dan għamlu waqt it-talba tal-Għasar. Fil-festa tal-Kunċizzjoni filgħodu, is-seminaristi jagħtu s-servizz tagħhom għall-Quddiesa fil-Katidral, u filgħaxija jkunu mistednin biex bħala komunità jmexxu l-Ewkaristija fil-knisja konventwali ta’ San Franġisk.
Fl-aħħar jiem ta’ qabel il-Milied, is-seminaristi flimkien mal-formators, jieħdu ħsieb iżejnu l-binja tas-seminarju permezz tat-tiżjin tal-Milied. Hekk iħejju l-binja għall-attivitajiet li jiġu organizzati għal diversi gruppi fil-jiem ta’ qabel il-Milied. Fost dawn wieħed ta’ min isemmi l-attività għall-abbatini u għall-gruppi tal-vokazzjonijiet, l-attività lill-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju, il-bibita tal-lecturers, il-bibita flimkien mal-komunità tal-Ingliżi u fl-aħħar l-attività flimkien mal-familjari tas-seminaristi.
Din is-sena s-seminaristi ħarġu għall-vaganzi tal-Milied nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru. Dakinhar saru l-aħħar lectures għas-sena 2014. Nhar l-Erbgħa 17, is-seminaristi kellhom ir-revision de vie (nofstanhar ta’ riflessjoni) u wara organizzaw il-quddiesa fl-għar fix-Xagħra. Ta’ min jgħid li din kienet l-aħħar quddiesa li mexxa Dun Daniel Xerri, bħala rettur, flimkien mas-seminaristi.