Il-ħajja tkun sabiħa meta kull wieħed minna jaqsam id-doni u l-esperjenzi tiegħu mal-oħrajn. Dan jgħodd b’mod speċjali għad-don tal-vokazzjoni. Is-Seminarju u s-seminaristi minn żmien għal żmien jorganizzaw attivitajiet vokazzjonali li permezz tagħhom joħolqu ambjent fejn ikun jista’ jsir dan it-tip ta’ sharing.
Nhar it-Tlieta 29 ta’ Frar filgħaxija s-seminaristi stiednu lill-istudenti tal-Forms 4 u 5 biex jinġabru fis-Seminarju. Wara li huma ngħaqdu mal-komunità ġie organizzat mument ċkejken ta’ talb f’ambjent differenti mis-soltu. Is-silta tal-Vanġelu li mexxiet l-attività kienet is-sejħa tal-ewwel dixxipli (Lq 5,1-11). Is-seminarista Daniel Mercieca qasam xi ħsibijiet fuq din is-silta u wara s-seminarista Andrew Grima qasam l-esperjenza vokazzjonali tiegħu. Wara li sar mument ta’ Adorazzjoni Ewkaristika, dawk kollha preżenti marru jieklu flimkien. Kulħadd ħareġ kuntent bl-ikel li ħejjiet il-kċina tas-Seminarju! Fi tmiem l-ikla, l-istudenti flimkien mas-seminaristi lagħbu flimkien il-logħba Werewolves. Dan kien mument ta’ mistrieħ għall-istudenti, li bħalissa għadhom kif temmew l-eżamijiet tagħhom!