F’Konferenza Stampa li nżammet is-Sibt 24 ta’ Settembru fis-Seminarju tagħna, tħabbar il-programm ta’ attivitajiet imniedi għal dan l-anniversarju, li jiftaħ b’Pontifikal mill-Isqof ta’ Għawdex fil-Katidral tal-Assunta fl-4 ta’ Novembru li ġej.
Kien propju f’dan il-jum tal-1866 li l-binja, li qabel kienet sptar tal-Ordni ta’ San Ġwann, fetħet il-bibien tagħha għall-formazzjoni. Ma damx ma żdied ukoll is-Seminarju Minuri, skola sekondarja għas-subien li llum tilqa’ fiha fuq 360 student li, fi kliem is-Surmast Dun Noel Saliba, huma ċ-ċittadini Nsara ta’ għada.
Ir-Rettur il-ġdid tas-Seminarju Dun Richard Nazzareno Farrugia qal li din is-sena trid tkun ċelebrazzjoni tal-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni, biex fuq kollox issir “okkażjoni ta’ riflessjoni fuq il-missjoni tas-Seminarju Minuri u Maġġuri u ta’ viżjoni biex iwieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum kif għaraf iwieġeb għall-isfidi ta’ qabel”.
Il-programm ta’ attivitajiet jinkludi wkoll tifkira ta’ dawn il-mija u ħamsin sena permezz ta’ wirja u ktieb kommemorattiv, kif ukoll kampanja ta’ għarfien u promozzjoni vokazzjonali, b’open week f’Novembru u dramm is-sena d-dieħla.
L-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech qal li s-Seminarju hu l-qalb tad-Djoċesi u preżenza imprezzabbli fil-ħajja spiritwali u pastorali tal-poplu ta’ Alla. B’riferenza għall-użu qadim tal-binja, hu fisser is-Seminarju bħala “sptar” li rawwam lis-seminaristi li għaddew minnu u laqqagħhom mat-“tabib il-kbir” li hu Ġesù, biex is-saċerdoti ta’ għada jsiru tassew “infermiera” tal-ġerħat umani u spiritwali tal-bniedem. Hu ħeġġeġ lill-poplu ta’ Alla biex ikompli jinvesti f’din id-dar ta’ formazzjoni ħalli tibqa’ tipproduċi saċerdoti tajba li jgħinu lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu.