Nhar il-Ħadd, 3 ta’ Diċembru l-Knisja tat bidu għas-sena liturġika tagħha permezz tal-ewwel Ħadd tal-Avvent. Dan hu żmien li fih il-Knisja tħeġġeġ lill-insara kollha sabiex jiftakru iktar fit-tieni miġja ta’ Kristu waqt li wkoll jippreparaw biex jiċċelebraw il-festa tal-Milied. Dan hu wkoll żmien partikulari fil-ħajja tas-Seminarju, għax fih il-programm tas-Seminarju jieħu svolta differenti waqt li l-ambjent tas-seminarju jilbes l-ilbies festiv tal-Milied.
Il-komunità tas-Seminarju tat bidu għal dan iż-żmien nhar is-Sibt, l-1 ta’ Diċembru, permezz tat-Tħabbira tal-Avvent. Din hi ċelebrazzjoni li ssir ta’ kull sena u li tinkludi fiha qari ta’ lezzjoni mill-Iskrittura flimkien ma’ spjagazzjoni tagħha, bl-iskop li tħeġġeġ lill-komunità biex tħejji ruħha għall-miġja ta’ Kristu; u l-preżentazzjoni flimkien mat-tberik tal-ikona li se takkompanja lill-komunità tul din is-sena. Wara li jsiru xi invokazzjonijiet ir-Rettur jindika xi tibdiliet fil-programm tal-komunità, li jkunu se jieħdu posthom tul dawn il-ġranet, biex ifakkruna li dan hu żmien speċjali. L-ikona, miktuba apposta għal din is-sena minn Vincent Mangani, ġiet ispirata mis-silta: “Niżlet f’riġlejn il-Mulej tisimgħu”, meħuda minn Lq 10,39. Hija frażi li tinsab fis-silta meta Ġesù mar għand Marta u Marija.
Dan hu wkoll żmien li fih nibdew naraw l-ambjent ta’ madwarna jilbes il-libsa tal-Milied, u dan ma jonqosx fis-seminarju fejn is-seminaristi kif ukoll il-formators jieħdu ħsieb li jżejnu s-seminarju bl-istatwi ta’ Ġesu’ Bambin, b’siġar, dwal, u anke il-presepju ma jonqosx.
Matul iż-żmien tal-Avvent il-liturġija fis-Seminarju tkun xi ftit differenti. Ta’ kuljum filgħodu kmieni jiġi ċċelebrat l-Uffiċċju tal-Qari. Dan jiġi ċċelebrat f’ambjent ta’ dawl baxx b’sens ta’ stennija. Waqt il-quddiesa issir ukoll spjega qasira tal-Liturġija tal-Kelma minn wieħed mill-formators, waqt li fiż-żmien tan-Novena din issir mis-seminaristi. Marbuta wkoll ma’ dan iż-żmien hija Quddiesa, li l-komunita’ tas-seminarju tiċċelebra f’għar li jinsab fir-raħal tax-Xagħra, fejn l-ambjent tal-għar u d-dawl tax-xema tgħin iktar biex wieħed jidħol fl-atmosfera tal-Milied u jħalli l-ħsieb tiegħu itir lejn il-ġrajja ta’ Betlehem, fejn l-Iben ta’ Alla sar bniedem.
Huwa wkoll żmien marbut mar-rigali, u dan ma jonqosx ukoll fl-ambjent fratern tas-Seminarju fejn is-seminaristi u l-formators jagħtu rigali lil xulxin. Iktar mill-valur tar-rigal, dan juri sens ta’ ġenerozita’ u għotja fejn il-persuna tkun lesta li taqsam ma’ ħaddieħor b’mod partikulari ma’ dawk li int ma tkun qed tistenna xejn mingħandhom. Dan joħroġ b’mod partikulari fl-attivita’ li s-seminarju jorganizza ta’ kull sena fejn iżur post li fih jinsabu jgħixu nies fil-bżonn. Din is-sena, il-komunita’ għamlet żjara lid-dar tal-anzjani tas-sorijiet Dumnikani li tinsab fir-Rabat.
Dan hu wkoll żmien li fih is-seminaristi jkollhom ukoll xi ftit tal-vaganzi sabiex igawdu xi ftit aktar lill-familja. Għalhekk nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru filgħaxija s-seminaristi bdew il-waqfa tagħhom għall-Milied. Mons. Isqof Mario Grech, dakinhar filgħaxija, ġie s-Seminarju jmexxi l-quddiesa ta’ radd il-ħajr fi tmiem l-ewwel term. Għal din il-quddiesa kienu mistiedna l-ġenituri tas-seminaristi. Is-seminaristi jerġgħu jirritornaw is-Seminarju nhar it-Tnejn 8 ta’ Jannar 2018.
Min hawn f’isem il-komunita’ nixtiequ nawgurawlkom Milied hieni u l-isbaħ xewqat għas-Sena l-Ġdida.
Ritratti