Il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru, wara diversi laqgħat ta’ tħejjija, il-komunità tas-Seminarju tat bidu għall-esperjenza ta’ fidi ġewwa l-parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, fl-Għasri. Dakinhar filgħaxija saret quddiesa, immexxiha mir-Rettur flimkien mal-formators u mas-saċerdoti kollha tal-parroċċa, li fiha saret sejħa lill-Ispirtu s-Santu. Is-Sibt filgħodu saret laqgħa b’tema vokazzjonali għall-adoloxxenti tal-parroċċa. Għal din il-laqgħa, li ġiet immexxiha mill-Grupp tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju, attendew numru sabiħ ta’ adoloxxenti. Il-Ħadd il-formators tqassmu u kienu preżenti fil-quddies prinċipali li sar fil-knisja parrokkjali. Huma mexxew ukoll l-adorazzjoni li ssir bejn il-quddiesa tat-8.30am u tal-10.00am, f’kull tielet Ħadd tax-xahar. Imbagħad mit-Tnejn 19 ta’ Novembru ’l quddiem is-seminaristi bdew il-viżti tagħhom fid-djar, skont programm iffissat minn qabel. Waqt il-ħin tal-viżti l-formators mexxew ħin ta’ adorazzjoni fil-knisja parrokkjali.