Jannar ifisser il-bidu ta’ sena ġdida. Dan hu żmien fejn wieħed jiltaqa’ u jfisser ix-xewqat sbieħ tiegħu lil sieħbu. Hekk seħħ is-Sibt 5 ta’ Jannar fis-Seminarju. Is-saċerdoti, il-patrijiet u s-seminaristi Għawdxin kienu mistiedna għal laqgħa flimkien ma’ Mons. Isqof għall-qsim tal-awgurji.
Il-laqgħa bdiet b’talba ta’ radd il-ħajr lil Alla għal kull ma għamel mal-Knisja Għawdxija tul is-sea 2012. Imbagħad, Mons. Rosario Borg (fl-assenza tal-Vigarju Ġenerali, Mons. Giovanni Bosco Gauci), f’isem is-saċerdoti kollha preżenti, radd ħajr lil Mons. Isqof tal-ħidma li wettaq f’Għawdex tul is-sena 2012 u awguralu għas-sena l-ġdida.
Mons. Isqof Mario Grech, min-naħa tiegħu, għamel il-messaġġ tal-okkażjoni. Hu stqarr li l-Knisja fil-passat “għamlet l-istorja”! Din għandha tkun il-missjoni tal-Knisja anke llum. Hi, bħal Marija hi msejħa li toffri l-“inbid ġdid” lis-soċjetà: lil Ġesù Kristu.
Din kienet it-tema diskussa fis-Sinodu tal-Isqfijiet li sar f’Ottubru 2012, li għalih attenda Mons. Isqof Mario Grech: it-tema tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. L-Isqof qal li f’din l-esperjenza ħareġ ħafna l-element tal-“kolleġġjalità” fi ħdan il-Knisja, element li għandu jkompli jingħata aktar ċentralità. Hu stqarr li l-kolleġġjalità tinkludi fiha wkoll il-bżonn li jkun hemm aktar lajċi bis-sens li jiġu fdati responsabiltajiet pastorali, b’hekk ma jibqax ikollna Knisja klerikali.
“Is-Sinodu kien sinfonija Kristoloġika.” It-Trinità Qaddisa, b’mod partikulari l-persuna ta’ Ġesù Kristu, inżammew fiċ-ċentru ta’ kull diskussjoni. Il-missjoni tal-Knisja, fil-fatt, hi li twassal lil Ġesù Kristu lill-bnedmin. Dan ma jistax iseħħ jekk ma nagħmlux bħall-Knisja tal-bidu, li qabel ma bdiet il-missjoni tagħha nġabret u stenniet fit-talb, għax kienet taf li Alla nnifsu biss jista’ joħloq il-Knisja tiegħu. Għalhekk, “l-evanġelizzazzjoni ġdida titlob evanġelizzaturi spiritwalment imġedda”.
Qabel ma jwassal lil Kristu l-evanġelizzatur irid jieqaf biex jisma’ l-Kelma. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida, għalhekk, qabel kollox mhix kwistjoni ta’ applikazzjoni ta’ “metodi” ġodda għall-proklamazzjoni tal-Vanġelu, imma titlob li l-istess evanġelizzatur jikber fil-fidi tiegħu fi Kristu u jpoġġi l-kérygma Kristoloġika fil-qofol tal-evanġelizzazzjoni tiegħu. Hi din il-fidi li trid twasslu biex ikun missjunarju: għax fidi mingħajr appostolat hi fidi mejta!
Mons. Isqof qal li l-evanġelizzazzjoni ġdida hi meħtieġa wkoll għaliex ix-xenarji soċjali u kulturali qegħdin dejjem jinbidlu u qed isejħulna għal xi ħaġa ġdida. F’din il-kultura hemm spazji ġodda li jeħtieġu d-dawl ta’ Kristu, spazji li ma nistgħux li ma nitħeġġux biex indawluhom permezz tiegħU. Fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II, l-ispirtu Kristjan, Kattoliku u Appostoliku tad-dinja kollha, qed jistenna qabża ’l quddiem biex tkun approfondita d-duttrina u jkun hemm formazzjoni aktar ħajja tal-kuxjenza. Mons. Isqof stqarr li dan jgħodd b’mod speċjali għas-saċerdoti. Hekk biss is-saċerdoti jistgħu jibqgħu jżommu l-irwol ta’ “maestri di cultura” u jkompli jiżirgħu lil Kristu fil-kultura tal-lum. Din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida titlob ekkleżjoloġija ġdida: Knisja li tħaddan il-komunjoni u Knisja f’relazzjoni mad-dinja. Dan iwassal għall-għajnuna reċiproka, għax meta l-Knisja tirrelata mas-soċjetà, hi tgħallem lill-bniedem ikun aktar uman u hi min-naħa tagħha tirċievi ħafna mid-dinja.
Mons. Isqof ikkonkluda billi stqarr li s-Sinodu ħareġ b’diversi suġġerimenti prattiċi biex din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida tkun tista’ sseħħ, u li wieħed ikun jista’ japprofondixxihom aktar fiż-żmien li ġej. Hu temm id-diskors tiegħu billi awgura lill-presbiterju djoċesan biex ikompli jiġġedded spiritwalment, ħalli b’hekk tkun tista’ ssir l-evanġelizzazzjoni l-ġdida li permezz tagħha jsir it-tqaddis ta’ din il-gżira.
L-Arċipriet il-Kan. Tarcisio Camilleri, delegat tal-kleru f’Għawdex, ħabbar xi attivitajiet li se jsiru fiż-żmien li ġej għas-saċerdoti, u stieden lil kulħadd għal refreshments tal-okkażjoni.