Is-seminaristi Joseph Attard (Parroċċa Marija Assunta, iż-Żebbuġ), Massimo Buttigieg (Parroċċa Marija Assunta fil-Knisja Katidrali, Belt Victoria) u Mario Curmi (Parroċċa Natività ta’ Marija, ix-Xagħra) ġew aċċettati bħala kandidati għall-ordinazzjoni djakonali. Mons. Isqof Mario Grech mexxa r-rit tal-ammissjoni li sar waqt il-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin, fil-knisja parrokkjali Ta’ Sannat, is-Sibt 23 ta’ Mejju 2015. Ġimgħa wara, is-Sibt 30 ta’ Mejju, it-tliet kandidati għamlu l-wegħda taċ-ċelibat waqt Quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu.
Mons. Isqof waqt l-omelija tal-Velja ta’ Pentekostè stieden lill-Knisja biex tkun miftuħa għat-tnebbih tal-Ispirtu s-Santu. Hu għamel din l-istedina b’mod speċjali lis-saċerdoti u lil Joseph, Massimo u Mario. Fi tmiem l-omelija r-Rettur, Dun Tony Sciberras mssp sejjaħ lill-kandidati b’isimhom u kull wieħed minnhom wieġeb: “Hawn jien”. Mons. Isqof talab fuqhom filwaqt li ppreżentahom bħala kandidati uffiċċjali għall-Ordni Sagri. Hu ħeġġeġ lill-Knisja sabiex titlob għalihom, b’mod speċjali fil-ġimgħat li ġejjin, sal-ordinazzjoni tagħhom li se ssir nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju fil-Katidral tal-Assunta.
Is-Sibt 30 ta’ Mejju filgħodu, is-seminaristi flimkien mal-formators telqu f’pellegrinaġġ bil-mixi lejn is-Santwarju Ta’ Pinu. Tul it-triq intalbet it-talba tar-Rużarju u mal-wasla f’Ta’ Pinu r-Rettur mexxa l-Ewkaristija. Fi tmiem il-liturġija tal-Kelma t-tliet kandidati għamlu l-Istqarrija tal-Fidi u ffirmaw id-dokumenti marbuta mal-wegħda taċ-ċelibat.