Dis-sena, b’differenza mis-soltu, il-lungo passeggio sar billejl. Din il-mixja ġiet organizzata fil-lejl bejn il-Ġimgħa 20 u s-Sibt 21 ta’ Novembru. Is-seminaristi flimkien ma’ xi formators telqu bil-mixi mis-Seminarju għall-ħabta ta’ nofsillejl u mxew lejn il-kappella ta’ San Dimitri. Minn hawn irħewlha lejn Wied l-Għasri u wara għal Marsalforn. Il-mixja kienet ftit impenjattiva minħabba l-għejja tal-lejl u anki minħabba r-riħ li kien hemm f’dik il-lejla partikulari. Għall-5.00am tas-Sibt is-seminaristi waslu Marsalforn fejn ġiet iċċelebrata l-Ewkaristija fil-Kunvent tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, li jinsab fil-Qbajjar. Wara, is-seminaristi flimkien mal-formators ħadu l-kolazzjoni f’restorant f’Marsalforn stess. Imbagħad, kulħadd inġabar f’daru għall-mistrieħ. Għalkemm kulħadd kien xi ftit għajjien, kulħadd kien kuntent li dan il-lungo passeggio rnexxa.