Kull Nisrani msejjaħ jaqsam id-doni tiegħu mal-oħrajn. Dan jgħodd b’mod speċjali għad-don tal-vokazzjoni. Minn hawn joħroġ is-sens ta’ kull laqgħa u attività vokazzjonali li jorganizza s-Seminarju u s-seminaristi.
Żmien ir-Randan hu opportunità sabiħa biex dan jista’ jsir. Nhar is-Sibt 7 ta’ Marzu filgħaxija s-seminaristi stiednu lill-abbatini u l-istudenti tal-gruppi tal-vokazzjonijiet (minn forms 1-4) biex jinġabru s-Seminarju. Grupp sabiħ, ta’ madwar sittin student, mill-maġġoranza tal-parroċċi nġabar għal din l-attività. It-tema kien: “Inqum u mmur għand missieri!” L-adolexxenti nqasmu f’żewġ gruppi, skont l-età, u kull grupp żviluppa flimkien mas-seminaristi, dan it-tema. Kollox ġie fi tmiemu bi snack u b’logħba futbol.
Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu kien imiss l-istudenti tal-form 5 u tas-6 form. Huma ngħaqdu mal-komunità filgħaxija (madwar għaxar studenti) u sar mument ċkejken ta’ talb bl-Iskrittura Mqaddsa. Dan kien mument interessanti għal kulħadd peress li ġie mħaddem metodu ta’ talb(imsejjaħ Scrutatio) li kien ġdid għal ħafna minn dawk preżenti. Is-silta tal-Vanġelu li mexxiet l-attività kienet is-sejħa ta’ Levi (Mk 2,13-17). Wara kien imiss li dawk kollha preżenti jieklu flimkien. Kulħadd ħareġ kuntent bl-ikel li ħejjiet il-kċina tas-Seminarju! Ċertament l-aktar parti tal-attività mistennija kienet dik li ġiet l-aħħar, jiġifieri, il-logħba futbol mas-seminaristi. Xi studenti għażlu li jitħalltu mas-seminaristi billi jilgħabu xi board games magħhom.